Mhux permissibbli li toqgħod bilwieqfa fuq Tal-Linja – MPT

Malta Public Transport ħabbret li minn issa ‘l quddiem il-passiġġieri fuq Tal-Linja mhux se jitħallew jibqgħu bilwieqfa iktar meta jirkbu biex imorru fid-destinazzjoni tagħhom.

Fi stqarrija, Malta Public Transport semmiet sitt miżuri ta’ prekawzjoni li addottat f’dan iż-żmien sabiex tassigura s-sigurta tal-passiġġiera u l-ħaddiema tagħha f’dan iż-żmien. Qalet li dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni ħarġu wara konsultazzjoni u ftehim mal-awtoritajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta.

Ġie spjegat li x-xarabankijiet qed jitnaddfu kuljum filgħaxija. Matul l-aħħar ġimgħatejn, it-tindif tax-xarabankijiet intensifika l-użu tal-kimiċi minflok deterġenti regolari. Il-kumpanija implementat ukoll skeda ta’ tindif tax-xarabankijiet matul il-ġurnata, speċjalment fil-parti tal-kabina tax-xufier.

Il-kumpanija pprovdiet santizers personali għall-ħaddiema kollha tagħha li għandhom kuntatt dirett mall-pubbliku, inkluż xufiera Tal-Linja. Intant żiedet l-għadd tas-sanitizers aċċessibbli fil-faċilitajiet kollha tagħha.

Monique Agius

Ix-xufiera Tal-Linja ngħataw ukoll struzzjonijiet sabiex iżommu t-twieqi kollha tax-xarabank miftuħin u biex jitfu s-sistemi tal-arja kkundizzjonata, kif mitlub mill-awtoritajiet. Intant, min-nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu, il-kumpanija adottat sistema li ma tagħtix bqija lill-persuni li jħallsu għas-servizz. Dan biex jiġi llimitat il-kuntatt bejn il-passiġġieri u x-xufiera fil-ħin tal-ħlas. Għalhekk il-passiġġieri qed jintalbu jipprovdu l-ammont eżatt li jiswa’ l-biljett.

Malta Public Transport kompliet billi ħeġġet lil dawk kollha li jħossuhom ma jifilħux biex ma jivjaġġawx u biex ma jsegwux proċeduri ta’ kwarantina kif indikat mill-awtoritajiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn