“Mhux nitolbu li ma naħdmux u ndaħħlu l-paga xorta” – Għawdxin

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM), Sean Zammit qal li bil-proposti biex jittaffew il-problemi għal madwar 4,000 ħaddiem Għawdxi li jivvjaġġaw kważi kuljum lejn Malta għax-xogħol, l-għaqda mhix titlob li l-ħaddiema ma jersqux lejn ix-xogħol u li jdaħħlu l-paga xorta. Il-proposti jinkludu 5% żieda fil-leave tal-ħaddiema Għawdxin, żieda fis-sussidju lill-ħaddiema Għawdxin u hub f’Għawdex minn fejn jaħdmu l-ħaddiema Għawdxin.

Studju dwar 11 il-siegħa aktar ta’ leave għall-Għawdxin

Sean Zammit kien qed jitkellem fil-programm Newsline fuq RTK 103FM. Spjega li l-assoċjazzjoni, li ilha mnedija inqas minn sena, se tikkummissjona studju biex ikun magħruf jekk hix vijabbli l-proposta għal żieda ta’ 5% jew 11-il siegħa fil-leave tal-ħaddiema Għawdxin f’Malta, biex jintużaw f’każi eċċezzjonali, u ma jitteħdux mil-leave personali. Meta ma jintużawx, dawn is-sigħat jiġu trasferiti għas-sena ta’ wara.

“Ħaddiema Maltin jieħdu siegħa leave, l-Għawdxin ġurnata”

Spjega kif ħaddiem f’Malta jista’ jieħu siegħa leave biex jattendi attività tat-tfal fl-iskola, jew għal appuntament tat-tabib, filwaqt li l-ħaddiema Għawdxin f’Malta jridu jieħdu ġurnata leave. Qal li hemm bżonn ta’ miżuri inklussivi, u diskriminazzjoni pożittiva favur il-ħaddiema Għawdxin f’Malta.

Qal li hu fatt aċċettat li l-ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw għax-xogħol qegħdin f’minoranza u l-problemi tagħhom ma ssolvihomx b’miżuri bħal ta’ ħaddiema oħra, imma hemm bżonn miżuri li jieħdu ħsieb tbatijiet partikolari: dawk finanzjarji, fiżiċi, psikoloġiċi u ta’ ħin. Mistoqsi jekk din il-miżura tistax twassal biex min iħaddem ma jagħżilx ħaddiema Għawdxin, wieġeb min iħaddem għandu bżonn il-ħaddiema u ma jistax dejjem jirrikatta li qed joffri l-impjieg. Qal li l-proposta tkun li l-Gvern idaħħal il-proposta bħal proġett pilota u wara din tkun estiża għas-settur privat, abbażi tar-riżultat tal-istudju dwar l-impatt soċjali.

Struttura ċentrali f’Għawdex li tnaqqas l-abbuż

Bil-proposta għal struttura ċentrali f’Għawdex biex jaħdmu minnha l-ħaddiema Għawdxin, Sean Zammit qal li bil-ħaddiema miġbura f’post wieħed ikun hemm governanza aħjar u jitnaqqas l-abbuż. Iċċara li l-assoċjazzjoni ma tridx tagħti l-impressjoni li ħaddiem li sab opportunità f’Għawdex ma jinżel qatt lejn Malta. Semma l-eżempju ta’ meta persuna trid tagħmel xogħol fl-uffiċċju, mingħajr laqgħat fuq barra, u qal li f’dawk il-jumejn il-persuna tkun tista’ tmur taħdem mill-hub, mingħajr il-bżonn li tivvjaġġa lejn Malta. Qal li xi dipartimenti diġà għandhom il-fergħat f’Għawdex.

Dwar it-teleworking, spjega li hemm bżonn uniformità biex jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet ta’ persuni Għawdxin biex jaħdmu mid-dar għal xi jiem.

Karreġġjata oħra għaċ-Ċirkewwa għall-ħaddiema Għawdxin

Sean Zammit spjega wkoll il-proposta biex, b’mod speċjali għal żminijiet partikolari tas-sena, fosthom f’Santa Marija, il-Karnival, l-Għid u long weekends, tiżdied karreġġjata fit-triq lejn iċ-Ċirkewwa biex jgħaddu iktar malajr il-ħaddiema li jkunu sejrin lura Għawdex. Qal li ġieli kien hemm każi fejn il-vann bil-ħaddiema Għawdxin weħel fit-traffiku u l-ħaddiema kellhom jimxuha minn ħdejn il-lukanda sal-vapur. Semma li tista’ tinbena karreġġjata oħra jew tintuża s-sistema tat-tidal lanes bħal tal-Marsa.

“Il-vapuri qed jixjieħu”

Il-President tal-AGEM spjega l-proposta li jinxtara r-raba’ vapur biex jitjieb is-servizz, fid-dawl tal-fatt li l-kummerċ żdied ħafna bejn Malta u Għawdex. Qal li l-Gozo Channel qed jagħmlu l-mirakli għax il-vapuri ma jifilħux għal dak l-influss ta’ karozzi. Qal li l-Fast Ferry Service għandu jtaffi l-piż finanzjarju fuq l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin li jkunu jistgħu jinżlu mill-ewwel il-Belt.