“Mhux minnu li tfal bla LSEs ma jistgħux imorru Skolasajf” – Ministeru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li mhux minnu li tfal bi bżonnijiet speċjali ma jistgħux imorru Skolasajf bħal tfal oħra.

Dan qalitu kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni ma’ Newsbook.com.mt dwar il-każ tal-omm li qalet li kellha tieqaf mix-xogħol għax m’hemmx LSE fl-iskola tas-sajf fil-Fgura.

Is-Sibt li għadda, din l-omm qalet li se jkollha titlaq mix-xogħol għax m’għandhiex ma’ min tħalli liż-żewġ uliedha, billi għadhom ma ġewx allokati LSEs għalihom.

Mingħajr ma wieġbet b’mod dirett dwar is-sitwazzjoni ta’ LSEs fil-Fgura għal dan is-sajf, il-kelliema tal-Ministeru spjegat kif iċ-ċentru tal-Fgura qed jingħata s-servizz tal-bridge holidays bejn is-7am u l-5.30pm. Qalet li dawn il-ħinijiet huma itwal minn dawk ta’ ċentri oħra u li bħalissa qed igawdu minnu madwar 85 tifel u tifla.

Il-kelliema semmiet kif dan is-servizz tal-bridge holidays qed jingħata wkoll f’25 ċentru ieħor f’Malta u wieħed f’Ghawdex.

Fit-tweġiba tagħha, il-kelliema żiedet tgħid li dwar Skolasajf, applikaw mat-12,000 tifel u tifla u li l-applikazzjonijiet kollha li daħlu ġew milqugħa.

Semmiet kif il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) se tkun qed talloka 900 Child Support Worker fid-diversi skejjel ta’ Skolasajf. Qalet li sas-Sibt li għadda, kienu ntgħażlu 744 Child Support Worker u li għadhom għaddejin iktar interviews biex jintlaħaq in-numru meħtieġ.