“Mhux magħruf x’benefiċċji japplikaw għall-barranin” – Dr Neil Falzon

Read in English.

Minkejja li l-awtoritajiet intalbu jgħidu x’assistenza jistgħu jieħdu persuni barranin mill-Gvern, sa issa għadu mhux magħruf x’benefiċċji japplikaw għalihom. Dan qalu d-Direttur tal-Fondazzjoni Aditus Dr Neil Falzon li f’intervista ma’ Newsbook.com.mt tkellem dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw persuni vulnerabbli.

Huwa qal li persuni vulnerabbli huma l-aktar f’riskju jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus tippersisti.

Falzon spjega kif għadu mhux ċar kif il-persuni barranin jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ekonomiċi li tħabbru. Dan minħabba li kif spjega, l-immigranti li jħallsu l-kontribuzzjonijiet soċjali f’Malta m’għandhomx jhedd għall-benefiċċji soċjali.

Huwa għalhekk stqarr li hemm bżonn ta’ kjarifiki dwar l-istatus li jinsabu fih il-barranin li jgħixu f’Malta, irrispettivament mid-dokumenti u l-assistenza li jirċievu bħalissa.

“Diffiċli biex jixtru l-bżonnijiet essenzjali”

Huwa qal li l-Fondazzjoni qed tirċievi għadd ta’ telefonati u imejls mingħand nies li sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji minħabba l-imxija tal-coronavirus f’Malta. Fisser kif ħafna minn dawn kienu jew tilfu xogħlhom jew tnaqqsilhom il-ħin mix-xogħol. Spjega wkoll li ħafna persuni qed isibuha diffiċli li jixtru l-bzonnijiet essenzjali bħal mediċini u ikel bażiku.

Tħassib dwar ir-residenti fiċ-ċentru ta’ Ħal Far

Mistoqsi dwar il-kwarantina mandatorja għar-residenti kollha taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far, Falzon esprima t-tħassib tiegħu dwar dawk l-immigranti li ttestjaw pożittivi għall-coronavirus.

Huwa staqsa jekk ir-residenti kienx qed ikollhom informazzjoni korretta dwar il-miżuri li kienu qed jittieħdu u jekk il-mistoqsijiet tagħhom ġewx imwieġba mill-awtoritajiet.