Mhux magħruf l-ammont tal-vetturi b’reġistrazzjoni barranija li jiddaħlu f’Malta

Persuna li ddaħħal vettura f’Malta b’reġistrazzjoni u pjanċi barranin għandha 20 jum biex tirreġistra ma’ Transport Malta sabiex tbiddel il-pjanċi u l-liċenzja għal dawk Maltija.
Għaldaqstant la Transport Malta u lanqas il-Pulizija ma jafu kemm jammontaw il-vetturi bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin fit-toroq Maltin.
Din l-anomalija tirriżulta wkoll minħabba l-moviment ħieles tal-prodotti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-ftehim tax-Schengen.
Huwa d-dmir ta’ min jimporta l-vettura li jirreġistraha u b’hekk jiġi konformi mal-liġijiet.
Dan qed jirriżulta f’numru ta’ vetturi bi pjanċi barranin u liċenzji skaduti li qed jitħallew ipparkjati għal xhur sħaħ mingħajr ma tittieħed azzjoni biex jitneħħew.
Din is-sitwazzjoni qed toħloq frustrazzjoni kbira lil bosta Maltin għaliex il-Pulizija trid tgħaddi minn proċess metikoluż ħafna b’kuntatti mal-Awtoritajiet barra minn Malta biex jiġi vverifikat meta nxtrat il-vettura konċernata u b’hekk jaslu biex jintraċċaw lis-sid.
Persuni li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li sfortunatament ħafna minn dawn il-vetturi barranin jitħallew xhur twal ipparkjati barra u mhux f’garaxx u għalhekk jikkapparraw il-parkeġġi għal ħaddieħor.
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt irrapporta kif karozza tneħħiet mis-Swieqi wara li kienet ilha mitluqa u pparkjata fl-istess post għal seba’ xhur.
Wara kien irriżulta li kienet misruqa.
Sorsi fil-korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li dan mhux każ iżolat fejn jirriżulta li vettura barranija, li titħalla abbandunata fit-triq tkun misruqa.
L-istess sorsi qalu li fil-passat il-liġi kienet tgħid li ż-żmien biex issir ir-reġistrazzjoni f’Malta kien jammonta għal 15-il ġurnata iżda din inbidlet għal 20 ġurnata wara l-emenda fil-liġi fl-2011.
Min jonqos li jirreġistra l-vettura fi żmien 20 ġurnata jibda jeħel multa ta' €30 kuljum.
Fil-jiem li għaddew fil-Qorti qamet il-kwistjoni jekk vetturi li jaslu Malta biex jerġgħu jiġi esportati għandhomx jiġu rreġistrati u jkollhom pjanċi u liċenzja Maltija tul iż-żmien li jagħmlu f’Malta.
Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lil Transport Malta dwar dawn is-sitwazzjonijiet.  
Fix-xhur li ġejjin, karozzi bi pjanċi barranin se jkunu jistgħu jibdew jirċievu ċitazzjonijiet f’każ li jiksru l-liġi f’Malta u dan hekk kif jidħlu fis-seħħ Direttivi ġodda tal-Unjoni Ewropea.