Mhux magħruf jekk it-tobba bdewx jitħarrġu fis-saħħa mentali

Għadu mhux magħruf jekk bediex is-servizz tat-tobba tal-familja fil-komunità sabiex ikunu jistgħu jaraw persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali.

Dan ħareġ fil-mistoqsija parlamentari li d-Deputat Indipendenti Hermann Schiavone għamel lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn staqsa jekk bediex il-programm għat-tobba tal-familja sabiex ikunu jistgħu jinvistaw pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru Chris Fearne ppreżenta kopja tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, madankollu ma weġibx jekk dan it-taħriġ bediex.

Fis-17 ta’ Lulju ġie mniedi l-Pjan tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali għas-Snin 2020 – 2030 mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Il-Ministru spjega li dan il-pjan mhux se jkun ibbażat fuq is-servizzi li jingħataw fl-Isptar Monte Karmeli imma fuq servizzi fil-komunità.

Dan jinkludi taħriġ lit-tobba u l-infermiera sabiex ikunu jistgħu jintegraw is-servizzi tas-saħħa psikjatriċi u ġenerali flimkien u jindirizzaw il-bżonnijiet tal-pażjenti b’mod iktar olistiku. L-għan ta’ dan is-servizz huwa li tiġi indirizzata iktar is-saħħa mentali fil-komunità b’mod speċjali fil-qasam tad-dippressjoni u s-solitudni. Skont l-istudju tal-Ewrobarometru terz tal-persuni ħassew waħedhom, xi darba f’ħajjithom b’mod speċjali l-anzjani.

Aqra: “F’Mater Dei dawk bi problemi ta’ saħħa mentali se jħossuhom milqugħin”

Aqra: F’sena nħarġu 100 pazjent minn Monte Karmeli – Fearne