Mhux lest nipparteċipa f’xi patt imxajtan – Robert Abela

F’post li għadu kif tella’ fuq Facebook il-Membru Parlamentari Robert Abela ddikjara “li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija, u nbigħ lil pajjiżi u lill-Partit Laburista u l-Laburisti ġenwini, kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda”.

Din id-dikjarazzjoni iebsa ta’ Robert Abela ttieħdet minn osservaturi bħala dikjarazzjoni ċara li huwa mhux bi ħsiebu jkun parti mit-tentattiv li qed isir biex ma jkunx hemm kontestazzjoni għall-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista. Skont dan il-pjan jekk ikun hemm kandidat wieħed biss, allura ssir elezzjoni malajr u Joseph Muscat jista’ jispiċċa minn mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru qabel il-Milied.

“Mhux lest naċċetta kompromessi li jorbtuli idejja”

Fil-post tiegħu Abela, li jiġi it-tifel tal-President Emeritu Ġorġ Abela, qal li jekk ikun parti minn dan il-patt, li huwa sejjaħ imxajtan, ikun qiegħed jitgħabba “b’dejn li jitħallas darbtejn u b’kompromessi li jorbtuli idi qabel nibda”.

Huwa kompla jgħid li “l-poter ma jagħmilx bija u m’għandi ebda ambizzjoni rabida u għamja għas-siġġu akkost ta’ kollox, li tfixkel il-ġudizzju tiegħi f’mument hekk delikat għall-pajjiż. L-għaqda tinżamm bl-onestà u l-irġulija u billi timxi bil-korrettezza. Possibbli li minn dan l-inkwiet, għadna ma tgħallimna xejn?”

“Mhux business as usual” – Abela

F’post li għamel aktar kmieni llum huwa kiteb hekk:

Il-bidla tibda billi naċċettaw li l-pajjiż mhux business as usual, u li rridu nagħmlu bidliet effettivi malajr iżda b’mod kawt, li bihom terġa’ tidħol it-trankwillità u l-għaqda fil-pajjiż.

Ħalli nkomplu bil-ħajja serena ta’ kuljum fl-interess tal-poplu u n-negozju. Għandi fiduċja qawwija li wara l-maltempata ġej bnazzi kbir, jekk naħdmu bil-għaqal. Iva, nemmen li l-isbaħ jiem għal pajjiżna jaslu ma jdumux. Bl-għajnuna tal-Maltin u Għawdxin kollha minn kull settur, bi sforz kollettiv. Biex mill-inkwiet li firidna noħolqu opportunità li tgħaqqadna. B’umiltà lest noffri l-ftit li naf biex inkun parti minn din il-bidla, biex pajjiżna jiġi lura l-ġojjell li kien f’qasir żmien. Ejjew halli nagħmluha”.