Mhux lest inkun mexxej temporanju – Louis Galea

Dr Louis Galea meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux lest li jkun mexxej temporanju tal-Partit Nazzjonalista mill-ewwel wieġeb fin-negattiv.

Huwa sadanittant beda l-laqgħat mal-membri tal-kumitati sezzjonali tal-PN, bl-ewwel laqgħa ssir f’Għawdex ilbieraħ il-Ħadd u b’aktar laqgħat isiru bejn illum u nhar l-Erbgħa.

“L-istatut ma jipprovdix għal dan”

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Galea, li huwa nkarigat biex imexxi l-proċess ta’ riforma tal-Partit Nazzjonalista, fid-dawl tal-kummenti ta’ Ivan Bartolo waqt kuntatt telefoniku tul il-programm Newsline fuq RTK nhar is-Sibt.

Bartolo hu l-promutur tat-talba biex issir laqgħa tal-Kunsill Ġenerali li fiha l-membri jiddeċiedu jekk għandhomx fiduċja jew le fil-Kap tal-PN Adrian Delia. Bartolo qal li jekk Delia jkun sfiduċjat mill-membri tal-Kunsill Ġenerali hemm Louis Galea li jipprovdi “kontinwità”.

Meta Newsbook.com.mt staqsa lil Galea jekk dan ifissirx li huwa lest li jkun mexxej temporanju, Galea mill-ewwel wieġeb li le.

Huwa kompla jgħid li “l-Istatut tal-Partit ma jipprovdix għal sitwazzjoni bħal din. Minflok skont l-Istatut il-Kap jiġi elett minn Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati”.

Stqarr li l-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti r-riformi meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista b’mod globali u mhux biss it-tmexxija.

“Is-saħħa fid-diversita” – Ivan Bartolo

Ivan Bartolo fl-istess kollegament telefoniku fuq RTK qal li jemmen li l-għażla ta’ Louis Galea biex imexxi l-proċess tar-riforma kienet waħda tajba ħafna. Huwa tkellem b’mod pożittiv fuq il-laqgħa tal-Ħamis li għadda tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.

Filmat: “Mhux Delia l-problema iżda ta’ madwaru” – Ivan Bartolo

Aġġornata: Bartolo jgħid li ma kienx hemm firem invalidi; Il-PN imerih

Bartolo qal li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv bdew isibu s-saħħa fid-diversità u b’hekk ra li l-petizzjoni bdiet tħalli l-frott. Fl-istess laqgħa, qal li innota li l-istatus quo ta’ staġnar beda jitnaqqar.

“Louis Galea huwa politiku viżjonarju” – Peppi Azzopardi

Fil-programm ħa sehem ukoll il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi. Huwa ddeskriva lil Louis Galea bħala politiku viżjonarju. Azzopardi qal li jaħseb li Galea jrid jipprova jfiehem lill-PN li mhumiex problemi ta’ struttura li għandu l-Partit, imma għandu bżonn li l-Kap jikseb il-fiduċja tan-nies biex il-Partit Nazzjonalista jirnexxilu jerġa’ lura f’qalb in-nies.

Qal ukoll li Galea għandu bżonn li mhux jgħid biss x’tip ta’ riformi jridu jsiru iżda jkollu pjan kif jikkomunikahom.

AQRA: Delia l-mikrobu tal-PN? Xi jwieġeb Louis Galea

AQRA: Louis Galea jinħatar President tal-AŻAD

Galea beda bil-laqgħat

Ilbieraħ Louis Galea stieden lill-Presidenti u s-Segretarji tal-Kumitati Sezzjonali Għawdxin, is-Sindki u l-Kunsilliera tal-lokalitajiet f’Għawdex u l-membri tal-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex għal-laqgħa fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat. Għal-laqgħa attendew xi tliet tużżani.

Nies li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kif kien mistenni kienet laqgħa li tirrifletti t-tensjoni li hemm bħalissa fil-PN. F’diversi ħinijiet kien hemm argumenti sħan bejn dawk li ffirmaw il-petizzjoni jappoġġjaw lil Delia bħala Kap u dawk li ma jriduhx u bdew petizzjoni biex Delia jerfa’ r-responsabbiltà politika għat-telfiet elettorali u jirriżenja.

Iżda għal ħinijiet twal tul il-laqgħa ġew diskussi diversi argumenti politiċi u dawk li ħadu sehem ġew mistiedna biex jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom dwar l-istatut tal-PN u bidliet li jistgħu jsiru.

Il-laqgħat ta’ Dr Galea jkomplu t-Tnejn għal membri mit-2, 3, 4 u 5 Distrett. Għada t-Tlieta hemm mistiedna membri tal-Kumitati mill-1, 6, 7 u 8 Distrett. Pitgħada jmiss lid-9, 10, 11 u 12 Distrett.