Filmat: “Mhux kulħadd mexa ’l quddiem bit-tqassim tal-ġid” – Coleiro Preca

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li mhux kulħadd mexa ‘l quddiem bit-tqassim tal-ġid f’Malta.

Fil-programm Newsline fuq RTK tas-Sibt li għadda, Coleiro Preca tkellmet dwar it-tqassim tal-ġid fejn qalet li uħud mill-persuni mxew ‘il fuq permezz tat-tkattir ekonomiku fil-pajjiż, iżda fl-istess waqt qalet li hemm oħrajn li baqgħu fejn kienu jew saħansitra waqgħu lura.

“Tkellimt ħafna kontra l-korruzzjoni” – Coleiro Preca

Hija saħqet li matul il-Presidenza tagħha, tkellmet diversi drabi favur il-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Qalet dan meta kienet qed twieġeb kumment li daħal waqt dan il-programm.

Spjegat li hija tifhem li jkun hemm min jippretendi li l-President tal-pajjiż għandu jieħu sehem f’ċerti protesti iżda iċċarat li l-funzjoni tal-President ma tagħtix dawn id-dmirijiet. Hawnhekk semmiet kif minkejja dan, matul il-Presidenza tagħha kienet taħdem ħafna minn wara l-kwinti.

“Malta trid torbot aktar l-aspett soċjali ma’ dak ekonomiku”

Għall-mistoqsija ta’ kif tara Malta fil-futur, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li trid li l-pajjiż jorbot aktar l-aspett ekonomiku ma’ dak soċjali, li kuntratturi li jingħataw proġetti jagħtu lura blokok ta’ appartamenti għal dawk fil-bżonn lis-soċjetà, u li jiddaħħal indiċi li jkejjel il-kuntentizza fis-soċjetà.

“Nisimgħu lit-tfal, mhux nitkellmu f’isimhom”

Irreferiet ukoll għat-tfal meta fejn saħqet li huwa dritt tat-tfal li jkollhom lill-ġenituri li jisimgħuhom, għax qalet li mhux biżżejjed li t-tfal jinħabbu u jiġu protetti.

Minkejja li dejjem il-pajjiż jonfoq dejjem il-miljuni ta’ ewro fl-edukazzjoni, xorta waħda Malta għad għandha waħda mill ogħla rati ta’ studenti li ma jlestux l-iskola sekondarja fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Hawnhekk saħqet dwar l-importanza li jitkejjel il-frott ta’ dawn l-investimenti.

“Pjan għall-ambjent bejn il-partiti politiċi”

Dwar l-ambjent, qalet li dan is-suġġett jissemma’ mit-tfal sal-politiċi, iżda qalet li qatt ma jittieħed bis-serjetà tant li hemm bżonn ta’ pjan nazzjonali li jkun maqbul u jitwettaq irrispettivament minn min ikun fil-Gvern.

Fil-programm intervjena wkoll b’kollegament telefoniku Peppi Azzopardi li semma kif minbarra t-timbru soċjali li tat lill-presidenza, Marie-Louise Coleiro Preca żaret l-iskejjel ta’ Malta u bniet siltiet mid-diskorsi tagħha minn dak li qalulha t-tfal fl-iskejjel.

Fil-programm, il-President Emeritu tkellem ukoll dwar l-itqal mumenti ta’ ħajjitha:

“L-itqal mument ta’ ħajti meta ffirmajt il-liġi dwar l-embrijuni”