“Mhux konsolazzjoni li l-iskandlu taż-żejt seħħ taħt il-PN” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma naqasx milli jagħmel referenza għall-eks uffiċjali tal-Gvern, li qed jiġi investigat b’rabta mal-iskandlu taż-żejt, waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista.
Joseph Muscat qal li hija inkwetanti kif id-Direttur tal-Awtorità Maltija għar-Rizorsi, Godwin Sant, ma żammx mad-doveri tiegħu li jżomm ċertu informazzjoni sensittiva b’mod kunfidenzjali u minflok għadda minuti tal-bord tal-istess MRA lin-negozjant George Farrugia.
Joseph Muscat qal li filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għadejjin, wieħed ma jistax ma jamettix li dan ix-xenarju huwa wieħed inkwetatni.  Dan għaliex aktar ma jmur, aktar qed jinkixfu affarijiet.
Il-Prim MInistru qal li dan kollu gara’ minħabba tnawwir istituzzjonali li ġie minn snin ta’ kunfidenzi żejda u li ma ttieħdux l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu. 
Joseph Muscat qal li mhux ta’ konsolazzjoni li dan il-każ seħħ taħt it-tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista. 
Saħaq li mhux aċċettabbli li persuna li tkun fdajt, turi iktar lejaltà lejn kuntrattur milli lejn il-pajjiż jew il-poplu.
Tkellem dwar il-prezz tal-fjuwil.  Qal li dan naqas sitt darbiet mindu l-Partit Laburista’ tela’ fil-Gvern. 
Spjega kif il-prezz tal-petrol u d-diesel naqas qabel ma naqas il-prezz internazzjonali taż-żejt. 
Muscat qal li fuq medda ta’ sena l-Maltin marru aħjar mill-Ewropej.  Il-prezz medju ta’ Malta kien inqas mill-prezz medju Ewropew. 
Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru qal li x-xogħol li qed isir qed juri kemm dan il-Gvern huwa kommess biex jinvesti fil-kapital uman. 
Tkellem dwar il-benefiċji li ser jibdew jingħataw lill-familji fil-bżonn f’tentattiv li ikun hemm inqas studenti li jfallu l-lezzjonijiet.  
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-investiment m’għandux isir biss fl-istudenti iżda wkoll fl-għalliema.  Għalhekk għas-sena skolatiska li jmiss, dawn ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sena sħiħa barra l-klassi bi ħlas biex iġeddu l-kwalifiċi akkademiċi tagħhom. 
Fost oħrajn tkellem dwar Għawdex.  Joseph Muscat qal li l-ekonomija Għawdxija għamlet qabża ‘l quddiem.  Saret referenza għall-pont, kif ukoll għall-mina u l-possibiltà ta’ air strip.
Dwar il-persuni b’dizabilità Joseph Muscat semma liġi li mill-1967 qatt ma tħaddmet.  Jekk kumpanija jkollha aktar minn 50 persuna, 2% minnhom iridu jkunu persuni b’dizabilità.  Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wasal iż-żmien li jiġu impjegati persuni b’diżabilità.