“Mhux jittieħdu passi dwar id-droga li qed titmexxa fit-toroq f’Marsalforn”

Id- deputat Għawdxi Chris Said qal li r-residenti f’Marsalforn jinsabu inkwetati ħafna “dwar il-mod apert li bih qed titmexxa d-droga fit-toroq ta’ Marsalforn”.

Fuq il-mezzi soċjali, Dr Said qal li dan minbarra l-istorbju, ġlied u ħsarat li jaffaċċjaw kważi kuljum. Huwa stqarr li skont ir-residenti l-Pulizija jafu tajjeb x’qed jiġri, “iżda ftit li xejn jieħdu passi”.

Ritratt: Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li filwaqt li l-problemi f’Marsalforn qed jiżdiedu kuljum, “il-Ministeru għal Għawdex moħħu fil-madum u pavimentar ġdid, waqt li jinjora għal kollox dak li verament qed idejjaq ir-residenti u li qed jagħmel ħajjithom infern f’darhom stess”.

X’jinkludi x-xogħol f’Marsalforn mill-Ministeru għal Għawdex?

  • Proġett ta’ riġinerazzjoni fil-Menqa li sewa madwar €1 miljun: Ix-xogħol kien jinkludi tibdil tas-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma, kif ukoll servizzi relatati ma’ komunikazzjoni. Tpoġġa wkoll pavimentar bil-porfido quddiem l-istabbilimenti kollha tal-Menqa, filwaqt li t-triq ġiet pavimentata bil-lava tiles.
  • Saret rikostruzzjoni wkoll ta’ parti mill-ħajt tal-moll biex id-dgħajjes tas-sajjieda jkunu jistgħu jirmiġġaw aħjar.
  • Ix-xogħlijiet kixfu l-eżistenza ta’ milestone ta’ żmien l-Ingliżi, li ġiet inkorporata fil-proġett.
  • Sar ristrutturar tal-Għassa ta’ Marsalforn b’investiment ta’ €130,000
  • Issa, f’Marsalforn, bdiet ir-riġenerazzjoni tal-waterfront, bi spiża ta’ €3 miljun. Dan il-proġett għandu jitlesta qabel is-sajf tas-sena d-dieħla. Wiegħed li dan il-proġett ser jitlesta qabel is-sajf tas-sena d-dieħla.