Mhux iż-żmien opportun biex jinfetħu l-iskejjel – UPE

L-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) sostniet li dan mhux iż-żmien opportune biex jinfetħu l-iskejjel. Dan hekk kif il-pajjiż għadu qed jirreġistra żieda fil-każi ta’ coronavirus u qed jiżdiedu l-imwiet. Il-UPE insistiet li l-iskejjel mhux lesti biex jaffaċċjaw sitwazzjoni serja u li tirriskja l-ħajjiet.

L-union insistiet li qatt qabel ma’ ħasset il-ħtieġa biex tħeġġeġ sabiex l-iskejjel jinżammu magħluqin għalissa. Sostniet li l-ammont ta’ stress li l-edukaturi qed ikunu suġġetti għalih, minħabba l-inċertezzi wara l-ftuħ tal-iskejjel huwa għoli wisq biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod adegwat. Qalet li l-fatt li kellha toħroġ bl-erba’ miżuri tagħha lbieraħ iservi bħala konferma ta’ kemm is-sistema edukattiva fil-pajjiż mhux ippreparata biex tissalvagwardja lill-edukaturi u l-istudenti.

Insistiet li kemm ir-reazzjonijiet tal-ġenituri, kif ukoll tal-membri tagħha jaqblu mal-ħsibijiet tal-union. Irrimarkat li bħalissa n-numri huma wisq għoljin u l-miżuri li hemm fis-seħħ mhux kompluti u b’saħħithom biżżejjed u jistgħu joħolqu theddida għas-soċjetà.

L-union staqsiet kif jista’ l-ministeru jaċċetta li jtaqqal il-kuxjenza tal-poplu bil-ħsieb li jistgħu potenzjalment jgħaddu l-virus lil membri vulnerabbli tas-soċjetà. Insistew li ħadd ma jibni ajruplan waqt li jkun qed itir bih u l-edukaturi m’għandhomx jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn minħabba l-prokastinazzjoni tal-Ministeru jkollhom jibdew sena skolastika mingħajr protezzjoni adegwata.

Il-UPE temmet tgħid li formalment qed titlob lill-Ministeru biex jikkunsidra mill-ġdid il-ftuħ tal-iskejjel u biex dan ma jsirx qabel il-miżuri li jittieħdu jkunu adegwati għaċ-ċirkustanzi taż-żmien fejn tidħol il-prevenzjoni.