Mhux ir-Rabtin kollha jaqblu li l-monti jiċċaqlaq taħt is-Saqqajja

Ma niżlitx għasel ma’ xi Rabtin id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali li l-monti jibda jarma fl-inħawi Tal-Plieri, taħt is-Saqqajja u mhux aktar fi Triq Santa Rita. Uħud mir-Rabtin għażlu li juru d-diżapprovazzjoni tagħhom fuq il-midja soċjali, filwaqt li oħrajn qalu l-Kunsill Lokali kellu jagħżel post alternattiv.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi li sostna kif il-Kunsill Lokali ilu minn Lulju tas-sena li għaddiet jevalwa l-postijiet kollha alternattivi fejn jista’ jarma l-monti. Qal li postijiet bħalma huma Tal-Virtù u l-għalqa Ta’ Kola ma kienux postijiet tajbin filwaqt li qrib il-Villa Rumana jinħoloq it-traffiku u postijiet oħra jagħmlu parti mill-Kunsill Lokali tal-Mdina. Charles Azzopardi qal li għall-Kunsill Lokali dejjem kienet prijorità li jibqa’ jarma l-monti.
Saħaq li l-kwistjoni qamet minn ftit persuni li riedu jagħmlu ħsara lill-Kunsill Lokali għaliex huma wkoll jafu li ma kienx hemm alternattivi vijabbli għad-deċiżjoni li l-monti jibda jarma f’Tal-Plieri.
Azzopardi qal li meta l-Kunsill kien ippropona li l-monti jarma iktar l-istess mis-soltu fi Triq Santa Rita, aktar minn 60 resident iffirmaw petizzjoni kontra.
Għall-kritika li saret li l-Kunsill Lokali ma kkonsultax mal-bejjiegħa tal-monti, is-Sindku Charles Azzopardi qal ma’ Newsbook.com.mt, li l-Kunsill iltaqa’ diversi drabi mal-bejjiegħa tal-monti dwar din il-kwistjoni.
Enfasizza li magħhom intlaħaq qbil ukoll li mhux se jitilfu il-postijiet tagħhom kif jarmaw.
Is-Sindku qal li diġa beda x-xogħol tas-sinjali biż-żebgħa li se juru kif il-bejjiegħa se jarmaw.
Huma madwar 100 il-bejjiegħa tal-monti fir-Rabat li apparti l-armar tagħhom irid ikollhom ukoll post għall-vann li bih iġorru l-affarijiet.
Is-Sindku sostna li l-Kunsill Lokali se jkun qed joffri shuttle servizz, b’żewġ minibuses mill-ħdejn il-Pjazza ta’ San Pawl għal Tal-Plieri mis-7.30am san-12.30pm.
Qal ukoll li meta x-xogħlijiet fi Triq Santa Rita jkunu lesti, l-monti jerġa jirritorna f’din it-triq.
Charles Azzopardi enfasizza li hekk il-monti mhux se jkun il-bogħod mis-Saqqajja u min se jiġi mhux se jkollu problema ta’ parkeġġ, għaliex il-postijiet għall-parkeġġ se jiżdiedu.