Mhux illegali li jinġarr katavru bil-vapur, imma l-Gozo Channel tinvestiga

Għar-rapport ta’ Newsbook.com.mt dwar ġarr ta’ katavru fuq vapur tal-Gozo Channel, il-kumpanija wieġbet għall-mistoqsijiet aktar minn 30 siegħa wara.

Il-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Channel jitfgħu l-ballun f’saqajn xulxin dwar min se jwieġeb il-mistoqsijiet
Meta wieġeb telefonata li saritlu lbieraħ, iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li l-Ministeru għal Għawdex kien se jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt. Mistoqsi jekk kienx bagħat it-tweġibiet lill-Ministeru biex jgħaddihomlna, iċ-Ċermen wieġeb ‘xi ħaġa hekk’.
Fl-istess waqt kelliema għall-Ministeru spjegat li dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu mwieġba mill-Gozo Channel.

Tweġibiet differenti mill-Gozo Channel lit-Times u Newsbook
Ftit qabel is-7.30pm, Newsbook.com.mt irċieva t-tweġibiet miċ-Ċermen li qal li “mhux il-każ li huwa illegali li hearse b’katavru abbord titħalla titla’ fuq vapuri tal-Gozo Channel.” Żied jgħid li kienet biss policy taħt tmexxijiet preċedenti li hearses ma jitħallewx jitilgħu abbord il-vapuri.
Spjega li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali ma jsib l-ebda oġġezzjoni għat-trasportazzjoni ta’ katavri abbord il-vapuri sakemm ikunu f’hearse awtorizzata.
Semma li dan hu stabbilit skont il-Motor Vehicles Regulations, 2004. Żied jgħid li l-istess leġiżlazzjoni tistipula li hu l-kaptan li jkun xogħol li jiddeċiedi f’liema parti fuq il-vapur għandu jitpoġġa l-hearse.
Il-liġi oriġinali tal-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku tgħid li ‘ebda vettura li tkun qiegħda għat-trasport tan-nies ma tista’ tiġi użata għall-ġarr ta’ katavri.” Il-kelma ‘vettura’ f’din il-liġi tinkludi mezz ta’ trasport ta’ kull xorta jew għamla maħsub għat-trasport jew ġarr ta’ nies, katavri jew ħwejjeġ.
Mal-ġurnal The Times, l-għada li deher ir-rapport fuq Newsbook.com.mt, Joe Cordina qal li qed jinvestiga l-każ ta’ nhar it-Tnejn li għadda. Qal ukoll li hija policy tal-kumpanija li ma tippermettix ġarr ta’ twiebet fuq il-vapuri li abbord ikun hemm il-poassiġġieri. Saħaq li dan ma kienx illegali imma mar kontra l-policy tal-kumpanija.