L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo xerred kitba fuq il-midja soċjali li tgħid li mhux il-pulizija kollha huma ħżiena.
Din il-kitba xerridha lbieraħ, wara li din il-ġimgħa ħarġu aħbarijiet xokkanti dwar il-Korp tal-Pulizija. Il-kitba tgħid li l-ħafna m’għandhomx jiġu ġġudikati għal dak li jagħmlu l-ftit.
40 uffiċjal mit-Taqsima tat-Traffiku ġew arrestati fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż mis-sahra, jiġifieri għax kienu qed jitħallsu ta’ xogħol li ma wettqux. 25 minnhom ingħataw il-police bail. Fid-dawl ta’ dan kollu, irreżenja s-Supretendent tat-Taqsima Walter Spiteri, u tliet uffiċjali oħra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li l-aħbar waslet sal-ġurnali barranin peress li The New York Times u Reuters ħarġu rapporti dwarha.
John Rizzo serva bħala Kummissarju tal-Pulizija bejn Novembru tal-2001 u April tal-2013. Riċentament, huwa xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.