Mhux il-parteċipanti kollha ta’ Sanremo aċċettaw li jmorru l-Eurovision

Ritratt: Andres Putting

Illejla l-finali tal-festival tas-70 edizzjoni ta’ Sanremo. Il-ħsieb huwa li min jirbaħ il-festival jirrappreżenta l-Italja fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest li se ssir f’Rotterdam fin-Netherlands f’ Mejju li ġej.

Iżda minn informazzjoni li ħarġet, mhux il-parteċipanti kollha ta’ Sanremo huma ħerqana li jxejru l-bandiera Taljana fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision u filfatt huma 16 mill-24 parteċipant li ffirmaw mal-organizzaturi li lesti li jmorru għall-Eurovision.

Allura x’se jiġri fl-eventwalità li r-rebbieħ tal-lejla ta’ Sanremo jirrifjuta li jirrappreżenta l-Italja fil-Eurovision?

Jekk jiġri hekk, ikun l-istazzjon nazzjonali Taljan, ir-RAI, li jagħmel l-għażla interna minn fost il-parteċipanti l-oħra f’dan il-festival.