Awdjo: “Mhux il-morda u l-anzjani kollha jdejjaqhom in-nar tal-festi”

Esperjenza partikulari li għaddha minnha grupp li jaħdem in-nar tikkuntradixxi d-diskors normali li nisimgħu kull sena, relatat mal-istorbju tal-bombi u l-persuni morda jew anzjani.
Edward Azzopardi jaħdem in-nar mal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Azzopardi dwar il-ħinijiet u l-istorbju, suġġetti li ma jgħaddix staġun tal-festi li bosta nies, uħud bir-raġun u forsi oħrajn b’inqas, ma jqajmux.
Irrakkontalna kif dis-sena, minħabba li kien hemm inqas nies fil-grupp, is-soċjetà ma ħarqitx murtali filgħodu fost il-ġimgħa.
Bil-maqlub tar-rettorika tas-soltu, qal li kienu bosta dawk il-morda u anzjani, li tista’ tgħid jesperjenzjaw il-festa mid-dar, li avviċinawh isaqsu għaliex ma nħarqitx dik il-bomba tas-soltu.
Dwar il-possibiltà li ġ-ġiġġifogu jibda jinħaraq siegħa qabel minħabba l-inkonvenjent li jista’ joħloq, Azzopardi ma eskludiex li dan isir, iżda fakkar li l-festa kollha kemm hi hi sensiela ta’ ħoloq, iċċaqlaq ħaġa u trid iċċaqlaq l-oħrajn.
Ma’ Azzopardi Newsbook.com.mt tkellem mar-riskju involut il-ħin kollu fil-ħidma tan-nar, u l-prekawzjonijiet li jittieħdu.
Kien skjett dwar tal-ewwel, meta qal li jekk tkun tibża’ n-nar ma taħdmux.
Kompla jsemmi xi prekawzjonijiet fil-kamra tan-nar, ngħidu aħna flokk li tkun bih xħin qed tuża kimika partikulari jrid jinbidel, saħansitra tmur tinħasel, jekk ikun imisser taħdem ma’ kimika oħra. Dan għax jekk ikollok traċċi tal-kimika ta’ qabel din tista’ tieħu mal-oħra.
Finalment, Azzopardi ddeskriva l-grupp li jaħdem in-nar miegħu bħala familtu, u bir-raġun, kompla, għax jarahom aktar mill-membri tal-familja proprja tiegħu, speċjalment daż-żmien.
Dis-sena, l-Għaqda tan-Nar tal-Kazin San Ġużepp ġiet fit-tieni post totali fil-Festival  Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li jsir fil-Furjana, u s-sena l-oħra rebħet 2 kategoriji, dik għall-aqwa mekkaniżmu kif ukoll il-kategorija għall-orġinalità fid-disinni u movimenti, meta ġiet l-ewwel.
Ritratt: Arkivji