Awdjo: Aġġornata: Il-kompetizzjoni tad-Drifting se ssir f’Ħal Far

Il-kompetizzjoni tad-Drifting li kellha ssir bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej, se ssir f'Ħal Far.
Kien hemm ċans li din l-attività ma ssirx minħabba li ma ħariġx il-permess mill-MEPA biex issir f'Montekristo. 
L-attività kellha tibda fit-3pm u sas-7pm, l-organizzaturi ma kienux jafu x'se jsir.

Aktar kmieni:
Għadu mhux ikkonfermat li l-attività tal-Kings of the Kings Superfinal se f'dan it-tmiem il-ġimgħa f’Montekristo. Dan għaliex ma ħariġx il-permess mill-Pulizija.
Fi stqarrija, Motor Sport Malta qalet li għadha ma tafx x’se jsir hekk kif sewwieqa u midja kemm lokali u internazzjonali qed jistennew l-attività.
Sostniet li l-Gvern qed jieħu vantaġġ minn din l-attività internazzjonali biex isaħħaħ it-turiżmu sportiv.
Meta kien qed iżur l-MCAST f’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Pulizija stħarġet il-każ mal-MEPA.
Ma' Newsbook.com.mt, il-Pulizija qalet li ma setgħetx toħroġ il-permess għax ma kienx hemm l-awtorizzazzjoni ta' Dipartimenti oħra. 
Il-kumpanija Polidano ilha mill-1996 tingħata avviżi ta’ infurzar mill-MEPA u għad għandha 14-il avviż pendenti li tagħhom trid tħallas penali ta’ aktar minn €20,000.
F’Novembru tas-sena li għaddiet, il-MEPA ħadet passi legali biex ma jitkomplix xogħol meqjus illegali f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp, fl-inħawi.
Joseph Muscat wieġeb għall-mistoqsija, kif il-fiera l-kbira saret f’dan l-istabbiliment. Qal li dan sar f’Montekristo mingħajr mal-Pulizija tkellmu mal-MEPA. Il-Prim Ministru qal li l-MEPA ħadet il-passi meħtieġa, u talbet li jingħalaq iż-żoo u jitneħħew numru ta’ strutturi oħra. Temm jgħid li kieku l-MEPA m’oġġezzjonatx għall-attività kienet tispiċċa tiġi kkritikata.

Reazzjoni Motorsport Malti
Intant, fi stqarrija, il-Motorsport Malti qalu li “m’għandux jintuża bħala lieva biex xi ħadd jasal għall-punt tiegħu”.
Komplew jgħidu li din hija attività internazzjonali u qed issir ħsara kemm għat-timijiet li se jieħdu sehem, kif ukoll il-barranin li jinsabu Malta għall-attività.
L-attività tal-Kings of the Kings Superfinal kellha l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Isport u l-Awtorità għat-Turiżmu “Visit Malta”.
Il-Motorsport Malti talbu għal reviżjoni tas-sitwazzjoni, li jinħareġ il-permess għall-attività f’Montekristo.