Mhux ħatja li mexxew burdell f’Tas-Sliema

Il-Qorti sabet lil żewġt irġiel u mara li kienu akkużati li mexxew burdell bħala mhux ħatja. Il-Qorti qalet li ma jistax l-fatt li żeffiena li kienet qed tiżfen topless quddiem klijent f’kamra privata jiġi kkunsidrat bħala att immorali.
Paul Attard, Andra Laona Togoi u Gary Camilleri li huma s-sidien ta’ Club Paradiso f’Tas-Sliema, tressqu l-Qorti akkużati li mexxew burdell. Huma ġew meħlusa mill-akkużi wara l-prosekuzzjoni naqqset milli tippreżenta provi biżżejjed.
Il-każ beda meta l-pulizija kienu qed jagħmlu tfittxija għall-għarrieda lura fi Frar tal-2012 u sabu lil waħda mara tiżfen topless quddiem raġel. Minkejja li dan ma kienx permess skont ir-regoli tal-klabb, hija kompliet tiżfen normali.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innutat li m’hemmx definizzjoni fil-liġi dwar x’jagħmel att immorali.
Qalet li jekk wieħed janalizza dak li tgħid il-liġi, f’għajnejn il-Qorti, ħafna mill-programmi televiżivi u films li huma aċċessibli minn kulħadd huma aktar skandalużi minn dan il-każ partikolari.