Mhux ħati li tefa’ likwidu u karta bin-nar fil-karozza

Raġel ta’ 40 sena min-Naxxar ma nstabx ħati li ta n-nar lill-karozza tiegħu apposta xahar qabel il-liċenzja kienet se tiskadilu. Is-Supretendent Josric Mifsud akkuża lir-raġel li qabbad il-karozza tiegħu apposta bil-ħsieb jiffroda lill-kumpanija tal-assigurazzjoni.

Huwa ma nstabx ħati wkoll fuq frodi, li qabbad in-nar apposta, li għamel rapport falz u kien reċediv. Huwa ġie akkużat li allegatament tefa’ likwidu li jieħu n-nar fuq is-seat tal-passiġġier u qabel għalaq il-bieba tefa’ biċċa karta bin-nar. Minħabba li kien hemm nuqqas ta’ ossiġnu fil-karozza n-nar intefa. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-espert tal-Qorti. Wieħed mill-esperti tal-Qorti qal li fil-karozza ma kienx hemm evidenza li kien hemm likwidu li tpoġġa apposta iżda l-likwidu li kien hemm ġej mill-ħruq.

Skont l-evidenza miġbura, il-maġistrat qalet li hemm diversi inkosistenzi li joħorġu meta wieħed janalizza l-analiżi li għamlu l-esperti tal-Qorti, kif ukoll il-mod kif ġie indirizzat dan il-każ.

Hija semmiet li l-fatt li r-raġel ġie mressaq il-Qorti erba’ snin wara l-każ u li ma kienx hemm verifikazzjoni jekk ir-raġel għamilx claim mal-kumpanija tal-assigurazzjoni. Fil-Qorti ħareġ li l-karozza kienet qed tinżamm iġġaraxxjatha u għalhekk ma kellix polza tal-assigurazzjoni.