Mhux ħati li prova jtajjar persuna

Read in English.

Raġel ta’ 41 sena ma nstabx ħati li prova jtajjar persuna hekk kif ix-xhieda tal-allegat vittma ma qablitx mal-filmati tas-CCTV. Ir-raġel ta’ 41 sena kien akkużat li prova iweġġa’ raġel, b’sewqan traskurat, b’insulti u theddid kif ukoll li qabeż il-limitu ta’ provokazzjoni u ma kellux kontroll tal-vettura tiegħu.

L-allegat vittma qal li huwa kien qed jaqsam it-triq u waqaf għax ma kienx jaf jekk l-akkużat kienx se jieqaf jew le. Żied li l-akkużat għamillu s-sinjal li se jieqaf iżda baqa’ jsuq fid-direzzjoni tiegħu. Min-naħa tiegħu l-allegat vittma żied li huwa ġera għax kieku kien jolqtu u żied li r-raġel beda jidgħi u jgħajru u meta staqsih għala qed jidgħi r-raġel kompla joffendih u jsuq. Il-vittma qal li l-akkużat qallu li darba oħra jgħaddi minn fuqu.

Fil-Qorti ntwerew il-filmati tas-CCTV li wrew kif l-allegat vittma kien miexi jaqsam it-triq bil-mod u ħares biss lejn il-lemin tiegħu. Huwa deher li ma kiex ċert x’se jagħmel u waqaf f’nofs it-triq u dak il-ħin ix-xufier deher li kompla jsuq b’veloċità normali bl-allegat vittma żied ftit fil-pass tiegħu. Il-filmati wrew li l-allegat vittma ma wera l-ebda reazzjoni li kien hemm xi ħadd jgħajru.

Wara li sema’ x-xhieda u ra l-filmati tas-CCTV cameras il-Maġistrat qal li l-filamti u x-xhieda jikkontradixxu lil xulxin u l-evidenza miġjuba ma setgħetx twassal għall-konklużjoni. Il-Maġistrat illibera lill-akkużat minn kull akkuża.