Mhux ħati li hedded lill-Pulizija f’Ħaż-Żabbar

Xlukkajr ma nstabx ħati għall-inċident li seħħ fl-għassa tal-pulizija f’Ħaż-Żabbar, f’Ġunju 2013.
Huwa kien akkużat li hedded lill-pulizija meta mar l-għassa wara li t-tifla rrappurtat darbtejn li l-mowbajl tagħha nsteraq jew inkella tilfitu.
L-akkużat stqarr li bintu ġiet mitluba minn pulizija biex iġġib in-numru tal-kaxxa tal-mowbajl u meta reġgħet marret l-għassa, it-tifla ġiet mitluba minn pulizija ieħor biex tmur akkumpanjata minn adult.
L-akkużat sostna li meta mar flimkien ma’ bintu l-għassa,  il-Pulizija għajtu magħhom biex joħorġu ’l barra u kuntistabbli sabbat il-bieb warajhom.
Kien f’dak il-waqt li l-akkużat talab għall-formula ta’ ilment li dam jistenna għaliha għal madwar siegħa u nofs. Barra minn hekk, stqarr li l-pulizija ma ħallewx lil bintu tagħmel użu mill-faċilitajiet sanitarji.
Skont il-prosekuzzjoni, meta l-missier tfaċċa flimkien ma’ bintu,  ġie akkużat li daħal f’sezzjoni ristretta fl-għassa tal-pulizija, aġixxa b’mod arroganti, sabbat il-kaxxa tal-mowbajl fuq l-iskrivanija tal-uffiċjal u ppretenda li jinqeda immedjatament meta kien hemm żewġ persuni qablu. Barra minn hekk,  l-Ispettur Robert Said Sarreo saħaq li l-Pulizija ġiet trattata inġustament meta fit-telefonata mal-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit, l-akkużat qal “ara nies x’għandek hawn”, frażi li ġiet miċħuda mill-akkużat stess. 
Huwa sostna li l-pulizija talbuh jistenna wara n-nies u li ġie mogħti formula ta’ ilment biex jirrapporta lill-pulizija.
Il-Magistrat Saviour Demicoli, saħaq li l-unika prova miġjuba fil-konfront tal-akkużat ma kinitx ippruvata. Għaldaqstant, l-akkużat ġie lliberat.