Mhux ħati li abbuża tifla l-baħar

Raġel akkużat b’abbuż sesswali fuq tifla ta’ 8 snin sena ilu waqt li kienu qegħdin il-baħar ma’ familjari tar-raġel u ma’ xi sorijiet waqt ħarġa, instab mhux ħati wara li l-Qorti sabet li l-akkużi tat-tifla ma kinux plawżibbli.

L-akkużat, li issa għandu 40 sena u hu minn Ta’ Xbiex, kien qiegħed Pretty Bay f’Birżebbuġa man-neputija tiegħu, ħabiba tat-tifla ta’ 8 snin li allegatament wettaq mossi abbużivi fuqha. L-inċident allegatament seħħ fis-7 ta’ Lulju tal-2017, meta t-tifla kienet qiegħda ħarġa l-baħar mas-sorijiet tal-istitut fejn kienet toqgħod qabel.

Waqt li kienu qegħdin il-baħar, ir-raġel beda jilgħab man-neputija u l-ħabiba tagħha, l-allegata vittma, billi jerfagħhom u jitfagħhom fil-baħar. Meta marret lura d-dar, it-tifla qalet lil ommha li r-raġel kien missilha l-parti privata tagħha iżjed minn darba.

Għal dawn l-akkużi, ir-raġel qal li possibbilment seta’ laqat il-parti privata tat-tifla hu u jilgħab magħha bla intenzjoni. Barra minn hekk, żied li huma kienu qegħdin jilagħbu fil-parti l-baxxa tal-baħar, ftit ’il bogħod mis-sorijiet u dawk li kienu magħhom.

Fid-deċiżjoni tagħha biex teħles lill-akkużat, il-Qorti kkunsidrat dawn il-punti li semma hu stess, b’mod partikolari kif ħadd li kien preżenti ma ra xejn, lanqas in-neputija tal-akkużat li kienet qed tilgħab magħhom, kif ukoll il-fatt li t-tifla ma marritx tgħid lis-sorijiet x’kien ġralha immedjatament, imma qalet biss lil ommha meta waslet lura d-dar. Fil-ġimgħa tal-każ stess, omm it-tifla kienet wissietha b’xi affarijiet u qaltilha biex tgħid lilha biss f’każ li jiġri xi ħaġa. Għalhekk, il-Qorti ħasbet li t-tifla jaf kienet influwenzata.

Il-Qorti sabet lill-akkużat mhux ħati u ħelsitu minn dawn l-akkużi.