Mhux ħati l-Malti li “instiga mibegħda razzjali”

Illum il-Qorti ħelset lil Brandon Bartolo minn kull akkuża miġjubha kontrih wara l-kumment li ħalla fuq Facebook dwar it-tfajla Maltija Musulmana, Sara Ezabe, fejn it-tfajla ħasset li instiga mibegħda razzjali fil-konfront tagħha.
Il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li Sara Ezabe bagħtet imejl tispjega li ħassitha li xi kummenti li ttellgħu fuq il-grupp ta’ Facebook tal-Għaqda Patrijotti Maltin minn Bartolo kienu jammontaw għal kummenti razzisti.
Il-kumment, li fih uża ammont ta’ kliem ħażin, kien juri t-tħassib ta’ Bartolo dwar l-immigrazzjoni illegali f’Malta u fl-Ewropa.
Il-Qorti saħqet li l-analiżi tal-kliem tal-akkużat ma setgħetx tiġi analizzata fl-astratt, imma kellha ssir fil-kuntest ta’ dak kollu li kien qed jingħad minn persuni oħra, kif ukoll il-post fejn tħalla l-kumment.
L-ispjegazzjoni tal-Qorti kompliet bl-insistenza li f’soċjetà demokratika wieħed ma jistax jgħid dak li jrid u li jħoss, iżda hemm limiti li jridu jiġu osservati bil-liġi.
Madanakollu, il-qorti ma sabitx lil Bartolo ħati hekk kif kien diġa esprima l-opinjoni tiegħu fuq messaġġi oħra li tħallew fuq Facebook qabel tħalla dan il-kumment speċifiku.
Il-Qorti nsistiet li għalkemm wieħed jaf ma jaqbilx mal-kliem li ntuża sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu, dak li qal ma rriżultax fl-ebda tip ta’ dannu jew offiża għal persuni oħra.