Mhux ġust u ekwu li jbatu l-pazjenti – Ombudsman

Read in English.

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman appella lill-unjins sabiex il-pazjent ma jintużax bħala pedina biex issir pressjoni fuq il-Ministeru. Mill-banda l-oħra, enfasizza li l-Ministeru għandu jieħu azzjoni immedjata meta xi unjin tiġbidlu l-attenzjoni dwar problema partikolari.

Dan wara li nhar l-Erbgħa ntlaħaq qbil bejn il-UĦM – Voice of the Workers u l-Ministeru għas-Saħħa, dwar kundizzjonijiet ugwali ta’ xogħol għall-impjegati ta’ Steward Health Care u l-impjegati tal-Gvern. Dan il-qbil jikkonċerna l-impjegati fl-Allied Health Profession. Kien hemm ukoll xahrejn ta’ azzjoni industrijali.

L-Ombudsman saħaq li din l-azzjoni industrijali affettwat mhux biss l-isptarijiet immexxija minn Steward Healthcare, iżda wkoll l-Isptar Mater Dei minn fejn pazjenti li kienu jeħtieġu trattament għar-rijabilitazzjoni ma setgħux jiġu trasferiti għall-isptar ta’ rijabilitazzjoni f’Karin Grech. Barra minn hekk, il-pazjenti ma setgħux jiġu trasferiti minn sala għal oħra. “Dan kien ifisser illi pazjenti fl-Isptar Karin Grech li ddaħħlu fis-sala tal-Admission jew tal-Kwarantina ma setgħux jintbagħtu fis-swali tagħhom proprji”, żied jgħid fl-Ombudsman fl-istqarrija.