“Mhux ġust li Malta mistennija ssolvi din it-traġedja umana” – Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo rrifletta fuq il-qagħda fil-Libja u r-riperkussjonijiet tagħha, li eluf qed jaħarbu mill-gwerra f’tiftixa għal ħajja aħjar fl-Ewropa, u jispiċċaw bejn sema u ilma sakemm ma jsalvahomx pajjiż Ewropew. Huwa qal li din hi traġedja umana kbira iżda mhuwiex ġust li Malta tkun mistennija ssolviha.

Għadd ta’ NGOs ilbieraħ ħarġu stqarrija konġunta li fiha appellaw lill-Prim Ministru biex jiżgura li dawn il-persuni jiġu salvati. “In-nazzjon tagħna ma jistax jiċċelebra l-Għid fil-kwiet waqt li hemm irġiel, nisa u tfal jegħrqu fuq l-għatba tagħna.”

Huma tennew l-appell tagħhom ta’ xi jiem ilu li Malta għandha tirrevoka d-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-portijiet għall-persuni salvati mill-baħar, huma min huma.

L-Arċisqof Charles Scicluna wkoll wera l-fehma li l-Maltin għandhom isalvaw lil dawk li huma fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, u dan sejjaħlu obbligu morali.

Il-Ministru kiteb fuq Facebook dalgħodu li hemm tal-inqas 700,000 persuna li waslu fil-Libja minn pajjiżi oħra biex jerħulha lejn l-Ewropa. Qal li anke ftit minn dawn “lilna jimlewna.” Huwa stqarr li f’din is-sitwazzjoni, la għandha teħel Malta u lanqas għandhom jeħlu l-immigranti.

Bartolo qal li l-allegazzjonijiet li dgħajsa b’għexieren ta’ immigranti abbord għerqet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija mhumiex veri. Qal li sorsi li qed isegwu l-iżviluppi mill-qrib ikkonfermaw ma’ TVM li d-dgħajsa li għerqet mhix fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ.

Is-soluzzjoni ‘l quddiem, skont il-Ministru, għandha tinkludi kif se tasal il-paċi fil-Libja, kif titfassal politika diċenti, umana u legali għall-emigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u programm qawwi ta’ għajnuna umanitarja għal-Libjani.

Il-jum it-tajjeb.Fil-Libja hemm mill-inqas 700,000 li waslu fil-Libja biex jaqsmu lejn l-Ewropa.Fil-jiem li ghaddew…

Posted by Evarist Bartolo on Sunday, April 12, 2020

Ilbieraħ inbdiet petizzjoni indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jissalvaw il-persuni li qegħdin ifittxu l-ażil. Il-petizzjoni tgħid li l-umanità tagħna ma tistax tippermetti li dawn in-nies jiċċaħħdu mill-obbligu morali tagħna li nsalvawhom. Sa dalgħodu l-petizzjoni kienet ġabret iżjed minn 1,500 firma.

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) qal li ffirma din il-petizzjoni, u jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabbiltà billi l-immigranti jitqassmu fil-pajjiżi tagħha. Skont il-Kunsill, in-nuqqas t’azzjoni min-naħa tal-UE diġà sewa l-ħajjiet.

Xandru Cassar, żagħżugħ Malti, ilu jipprotesta quddiem Kastilja mill-bieraħ sabiex l-immigranti jiġu salvati.

L-għaqdiet wara din l-istqarrija huma: aditus foundation, African Media Association Malta, Association for Justice, Equality and Peace, Blue Door English, The Critical Institute, Cross Culture International Foundation, The Daphne Caruana Galizia Foundation, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, Isles of the Left, Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, Malta Emigrants’ Commission, Migrant Women Association Malta, Moviment Graffitti, L-Uffiċċju tad-Dekan fil-Fakultà tal-Benessri Soċjali fi ħdan l-Università, People for Change Foundation, SOS Malta, Spark15, Sudanese Migrants Association, Syrian Solidarity in Malta, Segretarjat tal-Assistenza Soċjali, Paolo Freire Institute, St. Jeanne Antide Foundation, Fondazzjoni Sebħ, Djar tal-anzjani tal-Knisja, Malta Association of Social Workers.