“Mhux ġust li l-prezz tal-LPG jimxi fuq il-prezz tal-petrol” – sewwieqa

Persuni li riċentament qalbu l-karozza tagħhom għall-autogas (LPG) qalu ma’ Newsbook.com.mt li jħossu li mhux ġust li l-prezz tal-LPG jogħla jew jorħos skont dak tal-petrol.
Mistoqsija dwar ir-raġuni li l-prezz tal-LPG ma jimxix mal-prezz tas-suq, kelliema għall-Awtorità Maltija tar-Riżorsi qalet li kif isir f’diversi pajjiżi Ewropej, il-prezz tal-autogas jiġi aġġustat skont il-prezz ta’ fuels oħra li jintużaw għall-vetturi. Madanakollu żiedet tgħid li huwa l-operatur li jiddeċiedi l-prezz.
Minkejja li f’Malta hija l-Liquigas l-unika kumpanija li tipprovdi dan is-servizz, il-kelliema għall-MRA qalet li s-suq tal-autogas bħal dak tal-fuels huwa liberalizzat u għaldaqstant m’hemm xejn li qed jew jista’ jżomm operaturi oħra milli jidħlu fis-suq.
F’Malta hawn erba’ pompi tal-petrol li jipprovdu l-LPG: F’Ħal Luqa, fl-inħawi tar-Rabat, St’Andrews u ż-Żejtun.