Mhux għaqli li nappoġġja kandidati – id-Deputat Mexxej tal-PL

Il-Ministru u Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona qal li ma jkunx għaqli li jappoġġja kandidati fl-elezzjoni tal-Partit Laburista għall-kariga ta’ mexxej tal-partit.

Newsbook.com.mt staqsa lil Cardona jekk hux se jkun qed jappoġġja lil Chris Fearne jew lil Robert Abela fit-tellieqa li skattat meta l-Mexxej Laburista Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja.

Cardona qal li huwa d-Deputat Mexxej u li ma jkunx għaqli u matur li jappoġġja kandidat jew kandidati. “M’għandix dubju li min jitla’ se jkollu l-appoġġ inkondizzjonat tiegħi,” żied jgħid Cardona.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Cardona wara li tħabbar li d-Deputat Robert Abela ukoll se jkun qed jitfa’ n-nomina għall-elezzjoni li fiha diġà qed jikkompeti d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li kważi 79% tal-Membri Parlamentari Laburisti qed jappoġġjaw il-kontestazzjoni ta’ Chris Fearne għal Mexxej Laburista.

Newsbook.com.mt kien tkellem ukoll ma’ Cardona l-Ħamis li għadda. Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li m’għandux kummenti x’jgħaddi dwar l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Newsbook.com.mt kien żvela li s-Sibt 23 ta’ Novembru Chris Cardona kien interrogat mill-Pulizija. Tlett ijiem wara huwa ssospenda lilu nnifsu minn Ministru għall-Ekonomija u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari fil-Girgenti nhar il-Ħadd li għadda, Chris Cardona reġa’ ħa l-Ministeru f’idejh. Fil-jiem ta’ qabel, ittra li waslet f’idejn il-kabinett u li allegatament intbagħtet minn Keith Schembri lil Yorgen Fenech, kienet turi li Schembri qal lil Fenech biex iwaħħal l-assassinju fuq Chris Cardona.