Mhux ġejja xitwa – Prof. Deidun

Prof. Alan Deidun qal li din ix-xitwa s’issa kienet waħda mill-iżjed nexfin fl-aħħar snin, u issa donnha mhijiex ġejja xitwa.

Hu u jitkellem fuq Newshour fuq 103 Malta’s Heart, Prof. Deidun spjega li jekk wieħed iħares barra mit-tieqa, ma jarax it-temp tipiku xitwi. Addijo il-proverbji xitwin bħal “kesħa xxoqq il-għadam” u “Aħjar il-bard ta’ Jannar mix-xemx li ma ssaħħanx.”

Fiehem li jekk wieħed josserva kif kien it-temp fl-aħħar ħames snin, jinduna li hemm ċerta sekwenza. It-temperaturi u l-ammont ta’ xita naqsu gradwalment. Is-sena l-oħra kienet l-unika sena fl-aħħar ħames snin li kellna biżżejjed xita, li qabżet il-medja ta’ kemm tagħmel xita f’Malta. It-tliet snin ta’ qabel dik is-sena eċċezzjoni kollha kienu xotti.

Deidun qal li bdejna tajjeb b’ħarifa tajba bħala xita, imma xita tajba – dik li tinżel fil-fond, fil-ħamrija – issa ilha ma tagħmel minn qabel il-Milied. Jannar kien wieħed mill-iktar xhur xitwin xotti f’dawn l-aħħar snin.

Rigward it-temperatura, qal li b’massimu ta’ 18 jew 19-il grad, dawn it-temperaturi s-soltu jkunu l-medja għal Marzu.

Qal li dan it-tħarbit fit-temp jista’ jkun ġej minn tibdil fil-klima. Tħarbit bħal dawn jaffettwa lill-bdiewa peress li pjanti li normalment jibdew iwarrdu lejn tmiem Frar jew fil-bidu ta’ Marzu bdew iwarrdu issa.