​“Mhux faċli tkun ġurnalist f’Malta” – Reporters Without Borders

Il-Kap tat-Taqsima Ewropea tal-għaqda Reporters Without Borders Pauline Adès-Mével qalet li mhux faċli li tkun ġurnalist f’Malta, minħabba ostakli bħall-politiċizzazzjoni tal-midja u d-diffikultà li teżisti biex wieħed ikun tassew indipendenti.
Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, Adès-Mével sostniet li l-għaqda ma kinitx kuntenta bir-reazzjoni tal-Gvern Malti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Żiedet tgħid li l-assassinju jibqa’ mfakkar bħala mument kruċjali fl-Unjoni Ewropea, mument li ddeskrivietu ta’ “xokk qawwi”.
Dwar is-sejħa li saret għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti, irrimarkat li qisu l-Gvern ħass li kien qed jagħmel biżżejjed. Madanakollu, Adès-Mével saħqet dwar l-importanza ta’ investigazzjoni oħra biex titqajjem aktar kuxjenza dwar dan l-assassinju.
Ma’ Newsbook.com.mt, Adès-Mével qalet li l-assassinju ta’ Caruana Galizia qajjem ħafna diskussjoni. Stqarret li issa għaddew tliet xhur minn wara l-assassinju u li s-sapport qed jikber jum wara l-ieħor.
Mistoqsija dwar kif il-konsumaturi jistgħu juru l-appoġġ tagħhom lejn il-midja, Adès-Mével qalet li dan billi jkomplu jaqraw l-artikli, iħallsu għall-aħbarijiet, u jafdaw aktar lill-midja.
Fi kliem Pauline Adès-Mével, mingħajr nies bħal Daphne Caruana Galizia, ċertu stejjer bħal dawk tal-Panama Papers ma kinux joħorġu fil-beraħ. Iddeskriviet lil Caruana Galizia bħala waħda mill-ġurnalisti investigattivi ewlenin. Żiedet tgħid li xogħolha għandu jitkompla.