Mhux etiku jew xieraq li jiġi ppubblikat id-dokument tal-Vitals – NAO

Read in English.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) mhuwiex etiku jew xieraq li jiġi ippubblikat id-dokument tal-memorandum of understanding tal-Vitals.

Dan joħroġ minn korrispondenza bejn l-NAO u l-kandidat indipendenti Arnold Cassola. Cassola ppubblika din il-korrispondenza.

Kelliem għall-NAO qal lil Cassola li l-istess dokument qed jintuża għax-xogħol u rappurtaġġ mill-awdituri.

Fl-emails tiegħu Cassola qal li n-nies li jħallsu t-taxxi għandhom dritt ikunu jafu kif qed jintefqu l-flus tagħhom.

Id-dokument imsemmi huwa ftehim iffirmat mill-Gvern, li jirrappreżenta lill-poplu Malti. Dan mhuwiex xi trattat sigriet li jista’ jippreġudika s-sigurta’ tal-istat,” saħaq Cassola li jrid li l-memoradum jiġi ppubblikat.

Il-dokument tal-memorandum of understanding bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare instab wara li l-PM Robert Abela qal li kien mitluf.

Kelliem għall-Gvern qal lil Newsbook.com.mt li d-dokument issa nstab, però ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma fejn instab. Il-kelliem qal li d-dokument issa ngħata lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).

Il-ġrajja tad-dokument

10 ta’ Lulju: Robert Abela jgħid li l-memorandum tal-ftehim għat-trasferiment tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata li kienet intgħażlet ma jistax jinstab

13 ta’ Lulju: Abela jgħid li ordna biex id-dokument jinstab sa dakinhar

13 ta’ Lulju: L-eks PM Joseph Muscat jgħid li ma jafx fejn jista’ jkun

14 ta’ Lulju: Il-Gvern jgħid li nstab imma d-dettalji dwar kif u fejn għadhom mhux magħrufa