​Mhux eskluża elezzjoni bikrija f’Lulju

Hemm possibilità li l-elezzjoni ġenerali li jmiss tkun bikrija u ssir f’Lulju li ġej.
Dan minkejja li ftit tax-xhur ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-elezzjoni se ssir madwar Marzu tal-2018, wara ħames snin sħaħ ta’ Gvern Laburista.
Rapport f’The Malta Independent on Sunday jikkwota sorsi qrib il-Gvern li jgħidu li elezzjoni f’Lulju mhix eskluża, minkejja li l-midja qed tiffoka fuq Novembru.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher ukoll li l-Pulizija jinsabu fuq stop-leave, mhux biss sa Ġunju minħabba l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, “imma anke sas-sajf.” 
Infurmati wkoll li anke persuni ewlenin fis-Segretarjati Privati tal-Ministeri ma jistgħux jieħdu leave.
Ir-rapport ta’ The Malta Independent isemmi wkoll li mossa oħra li tindika elezzjoni fil-qrib, hija ż-żieda fil-billboards f’toroq ewlenin fil-pajjiż.
Jirreferi wkoll għal diversi Ministri li qed iżuru l-kostitwenti waqt il-ħinijiet regolari tax-xogħol, minflok ikomplu bil-ħidma tal-Gvern.