Aġġornata: Il-proposti tal-Gvern iħawdu mhux jassiguraw – KTP

Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, il-Kamra tal-Periti (KTP) saħqet li l-abbozz ta’ Avviż Legali li l-Gvern ħareġ ta’ malajr nhar it-Tnejn mhuwiex se jassigura s-sigurtà pubblika, imma aktar iħawwad l-irwoli u responsabbiltajiet varji fuq is-siti tal-kostruzzjoni. Il-KTP qalet li wasal iż-żmien li l-Gvern jindirizza din il-kwistjoni b’mod olistiku.

Periti lesti li ma jaħdmux b’dawn il-kundizzjonijiet

Il-Kamra tal-Periti kellha Laqgħa Ġenerali Straordinarja dwar ir-regolamenti tal-kostruzzjoni u l-konsultazzjoni li nieda l-Gvern nhar it-Tnejn li għadda. F’din il-laqgħa, skont sors ta’ Newsbook.com.mt, aktar minn 400 perit qabel unanimament li jekk il-Gvern iwebbes rasu u nhar it-Tnejn joħroġ l-avviż legali, il-periti jikkunsidraw jieqfu mix-xogħol. Hi u titkellem fuq il-programm Follow-Up fuq RTK 103FM ma’ Fr Joe Borg dalgħodu, il-President tal-Kamra Simone Vella Lenicker ma eskludietx li dan jista’ jsir. Qalet li l-periti diġà għandhom qbil dwar il-pożizzjoni li se jieħdu f’dan il-każ, iżda ma xtaqitx tagħti dettalji qabel nhar it-Tnejn.

Il-President Vella Lenicker spjegat li wara li l-Gvern ħareġ l-avviż legali u nieda l-konsultazzjoni nhar it-Tnejn, sat-Tlieta filgħodu, il-Kamra tal-Periti kienet diġà bagħtet il-kummenti prinċipali li ma taqbilx magħhom, u kummenti dettaljati artiklu b’artiklu lill-periti kollha u tathom ċans sal-Ħamis biex jiddiskutuhom. Ilbieraħ imbagħad kellhom l-ikbar laqgħa ġenerali li qatt kellha l-Kamra tal-Periti, u l-periti approvaw dak li ddiskuta l-Kunsill. Vella Lenicker qalet li l-membri qablu li hemm numru ta’ punti fl-avviż legali li mhumiex aċċettabbli għall-professjoni għax ma jiggarantux li s-sigurtà pubblika tiġi salvagwardjata.

“L-avviż legali jitfa’ l-piż kollu fuq il-periti”

Ewlieni fost dawn il-punti kien hemm li l-avviż legali jitfa’ l-piż fuq il-periti f’każ li tiġġarraf binja, mentri l-liġi ċivili tgħid li fejn hemm xogħol ta’ bini, il-perit u l-kuntrattur flimkien huma responsabbli ta’ dak il-bini. Jekk il-bini jiġġarraf, il-perit u l-kuntrattur iridu jitilgħu l-qorti flimkien, u mbagħad tkun il-qorti li tiddeċiedi min għandu t-tort minnhom. Vella Lenicker insistiet fuq il-fatt li għandu jkun hemm l-obbligu li l-iżviluppaturi jkunu reġistrati u liċenzjati, sabiex il-klijent irid ikollu moħħu mistrieħ li l-persuna li qabbad hija kompetenti, u kapaċi tifhem dak li jgħid il-perit. Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kamra tal-Periti, l-avviż legali qiegħed ipoġġi iżjed xogħol fuq il-Building Regulation Office, li stqarrew huma stess li m’għandhomx biżżejjed riżorsi.

Il-KTP trid li l-Gvern jibdel l-Avviż Legali propost

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet li wasal iż-żmien li l-Gvern jindirizza din il-kwistjoni b’mod olistiku. Saħqet li Avviż Legali ta’ malajr mhuwiex se jassigura s-sigurtà pubblika, imma aktar iħawwad l-irwoli u responsabbiltajiet varji fuq is-siti tal-kostruzzjoni. 

Għaldaqstant, waqt il-Laqgħa Straordinarja, ġie deċiż li l-Kamra titlob li l-Att tal-Periti jiġi emendat, kif ilha titlob il-Kamra għal dawn l-aħħar 12-il sena. Barra minn hekk, qed titlob ukoll li l-Gvern jibda jiddiskuti mal-Kamra minnufih dwar il-Qafas Regolatorju tal-Bini u l-Kostruzzjoni li ppropona u biex jaqbel fuq l-implimentazzjoni fi żmien raġonevoli. Il-Kamra tal-Periti trid ukoll li l-Uffiċċju Regolatorju tal-Bini (BRO) jingħata r-riżorsi kollha meħtieġa biex ilaħħaq mad-domanda tax-xogħol, anke qabel it-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, proposta li l-Kamra tappoġġja bis-sħiħ. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kamra tal-Periti trid li l-Gvern jimplimenta l-obbligi tar-regolatur fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti kollha tal-bini, kemm dawk li jsiru Malta u anke li jiġu impurtati. 

“Saħħu lill-perit biex jista’ jissospendi x-xogħlijiet”

Fil-Laqgħa Straordinarja ġie diskuss ukoll li l-Avviż Legali għandu jinkludi proviżjonijiet li jsaħħu lill-perit biex jissospendi x-xogħlijiet u jdaħħal rapport fl-Uffiċċju Regolatorju tal-Bini mingħajr ma jirrinunzja l-kummissjoni tiegħu jekk il-kuntrattur jew l-iżviluppatur jirrifjuta li jaqbel mal-istruzzjonijiet tal-perit fuq dawn il-kwistjonijiet. 

Finalment, il-Kamra tal-Periti qiegħda titlob li jkun hemm separazzjoni ċara bejn applikazzjoni għall-ippjanar u l-permess għall-proċessi, u l-proċessi li bihom jitħabbru, jiġu regolati u mmonitorjati l-bini u l-kostruzzjoni tax-xogħol. Temmet tgħid li nħlew kważi ħames snin bħala riżultat tal-pariri mogħtija lill-Gvern li ż-żewġ proċessi għandhom jingħaqdu flimkien taħt l-Awtorità tal-Ippjanar. 

Il-Kamra tal-Periti għaddiet dak li ġie kkomunikat lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius u għandu jkollhom laqgħa urġenti miegħu, iżda sal-4pm kitbu li kienu għadhom ma rċivewx tweġiba. 

Aqra: Il-Kamra tal-Periti ssejjaħ Laqgħa Straordinarja biex tiddiskuti l-industrija tal-kostruzzjoni

L-għan ewlieni għaliex issejħet din il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja kien sabiex jiġu diskussi r-regolamenti li nħarġu t-Tnejn mill-Gvern wara d-deċiżjoni tiegħu li jissospendi temporanjament ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar wara li ġġarraf ħajt fi Gwardamanġa ġimgħa ilu u ħames familji spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Il-Kunsill tal-Kamra tal-Periti ried jiddiskuti l-qagħda tal-industrija tal-kostruzzjoni, u jaġġorna lill-membri tiegħu fuq l-iżviluppi li seħħew fil-ġimgħat li għaddew, kif ukoll dwar il-progress li sar fuq id-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qafas regolatorju għall-bini u l-kostruzzjoni moderna f’Malta wara li dan tnieda f’Mejju li għadda.

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Aqra: Aġġornata: “L-industrija tal-kostruzzjoni tinsab fi kriżi” – Kamra tal-Periti