Mhux eskluż li Snowden jintbagħat lura lejn l-Istati Uniti

Rapporti fil-mezzi internazzjonali tax-xandir qed jgħidu li mhux eskluż li l-eks-analista tal-NSA, Edward Snowden jista' jingħata lura lill-Istati Uniti f'mossa biex ir-Russja "tiġbor ġieħha" mal-President Amerikan.
Minkejja li l-Parlament Russu, ċaħad dawn l-ispekulazzjonijiet, Snowden innifsu qal li jekk ir-Russja tibgħatu lura lejn l-Amerka, allura jkun ġie dikjarat b'mod uffiċjali li m'huwiex meqjus bħala spija.
Snowden minn dejjem ċaħad li qatt ikkollabora mal-aġenziji tal-intelliġenza Russa u saħaq li sempliċiment kien qed jaġixxi bħala whistleblower.
L-Istati Uniti ilha għal dawn l-aħħar snin titlob li Snowden jingħata lura lilha biex ikun jista' jgħaddi ġuri b'rabta ma' akkużi ta' spjunaġġ.