“Mhux eskluż li l-PAC jiddiskuti d-direct order f’San Vinċenz”

Beppe Fenech Adami, MP tal-PN qal lil Newsbook.com li ma jeskludix illi jiddiskuti “d-direct order ta’ mijiet ta’ miljuni għall-estenzjoni ta’ San Vinċenz” fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC).

Fenech Adami, li huwa wkoll iċ-Ċerpersin tal-PAC, qal li l-Partit Nazzjonalists diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar il-mod kif ingħata d-direct order f’San Viċenz de Paul. Qal li “dan huwa każ ieħor ta’ nuqqas ta’ governanza tajba, nuqqas ta’ trasparenza, u nuqqas ta’ kontabilità mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.” Żied jgħid li l-PN se jibqa’ jinsisti għal spjegazzjonijiet dwar dak li seħħ.

Fenech Adami temm jgħid li “l-PN ma jeskludix illi jara li din il-materja titla’ u tiġi diskussa wkoll mill-PAC” li tiegħu huwa ċ-Ċerpersin “fil-mument opportun”.

Il-Gvern iħawwad – Delia

Nhar il-Ħadd li għadda Dr Adrian Delia, Kap tal-Partit Nazzjonalista ikkritika d-direct order mogħtija mill-Gvern. Huwa qal li l-Ministru tal-Finanzi għandu ma stembaħx fuq din l-għorja u jibqa’ jgħid li ma jafx biha meta dan ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Huwa qal li dan il-każ jimxi id f’id mal-bini taċ-ċentru tas-Saħħa fir-Raħal l-Ġdid li din il-ġimgħa stess, fil-qrati ħareġ li kien hemm it-taħwid bil-Gvern jibqa’ sieket dwar dan kollu. Delia qal li l-Gvern qed jara kif jagħmel biex idur mas-sistema ta’proċedura biex, b’mod sistematiku, jabbuża mis-sistema tat-tendering u b’hekk jikkontrolla min qed jieħu xiex.

Il-Gvern ċaħad

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva kien ċaħad kategorikament li kien hemm xi direct order ta’ €274 miljun fuq proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda ġdida fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul. B’reazzjoni għal rapport li deher f’The Times of Malta, is-segretarjat fi stqarrija ċċara li ma ngħata l-ebda direct order lil JCL & MHC Consortium, u li kollox sar skont ir-regoli u bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.

Ara l-Gazzetta tal-Gvern – PN

Il-PN qal li qed jinnota li l-istqarrija tas-Segretarjat Parlamentari hija kontradittorja ma’ dak li ġie ppublikat mill-Gvern stess fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ Lulju 2018 fejn ġie ddikjarat li kien ġie approvat direct order għas-somma ta’ €273,649.

Il-Partit Demokratiku talab biex il-PAC jiddiskuti dan kollu b’urġenza.