​”Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi” – Oħt DCG

Oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, qalet li wieħed ma jistax jeskludi jekk kinux politikanti li kkummissjonaw l-assassinju tal-ġurnalista.
Fuq Facebook, Vella spjegat dak li qal il-membru taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kriminalità tar-Renju Unit Jonathan Benton, li waqt intervista stqarr li Malta għandha problema ta’ korruzzjoni li hija serja u li qed tikber li tippenetra l-politika. Saħaq li ma jistax ikun li miljuni ta’ Ewro qed jimxu minn post għall-ieħor b’mod illeċitu mingħajr ma jkun hemm korruzzjoni li tilħaq kull livell.
Vella stqarret li l-assassinju ma setax ikun possibbli mingħajr xi tip ta’ kollużjoni bejn il-kriminalità, il-flus, u l-politika. Minn tal-inqas, qalet li kien hemm bżonn ta’ poltika kompjaċenti fl-ogħla livelli f’Malta. Fi kliema, minkejja li l-assassinju seħħ f’Malta, ir-riperkussjonijiet jinħassu anke barra minn Malta.
“L-għajta tal-President hija waħda falza” – oħt DCG
Fl-istess messaġġ, Corinne Vella saħqet li l-għajta tal-President u tal-Prim Ministru għall-unità hija waħda falza. Hi spjegat kif il-President Marie-Louise Coleiro Preca kienet attiva fil-partit laburista għal 40 sena, f’perjodu li elementi kriminali kienu jiddominaw lill-partit.
Oħt Caruana Galizia kitbet li l-President qiegħda taħdem mal-Gvern ta’ Muscat biex  iċċekken l-importanza tal-assassinju tal-ġurnalista. Allegat li qed taħdem ukoll biex issir desensitizzazzjoni tal-poplu Malti dwar l-implikazzjonijiet politiċi tal-assassinju.
Vella kitbet ukoll li l-assassinju tal-unika ġurnalista investigattiva li kien hemm f’Malta ma sarx bi pjan biex jidher li kien xi tip ta’ inċident. Seħħ biex jidher bħala att ta’ impunità.
Oħta Daphne spjegat li l-President u l-Prim Ministru qed iċekknu l-importanza tal-implikazzjonijiet tal-assassinju bl-appelli tagħhom għall-għaqda nazzjonali u qed jużaw il-mewt tagħha bħala vantaġġ għalihom. Vella qalet li qatt ma għandu jkun hemm għaqda mal-kriminali u l-korrotti.
Vella temmet tgħid li dak li għandha bżonn Malta hija l-ġustizzja, it-trasparenza, u l-akkontabilità politika. Żiedet tgħid li hemm bżonn ukoll ta’ azzjoni politika u bidla – ħaġa li ma tistax isseħħ meta hemm Coleiro Preca u Muscat imexxu. 
Tista' taqra dak kollu li kitbet Corinne Vella hawn: