Mhux eskluż baġit Ewropew mingħajr il-kunsens tal-Ungerija u l-Polonja

EU flags fly outside the European Commission headquarters in Brussels

Il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-approvazzjoni ta’ fond ta’ rkupru għal wara l-coronavirus kif ukoll tal-baġit Ewropew mingħajr l-Ungerija u l-Polonja. Skont uffiċjal Franċiż, dan jista’ jsir bħala l-aħħar soluzzjoni jekk dawn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jimblukkaw l-adozzjoni tal-baġit multi-annwali tal-Unjoni. 

L-Ungerija u l-Polonja vvutaw kontra l-adozzjoni tal-baġit għas-snin 2021-2027 u tal-fond ta’ rkupru waqt laqgħa tal-ambaxxaturi tan-nazzjonijiet tal-UE t-Tnejn li għadda, b’oppożizzjoni għal klawżola li l-aċċess għall-flus għandu jkun marbut mas-saltna tad-dritt.

Il-Gvernijiet f’Budapest u Varsavja huma kontra li l-flus tal-UE u r-rispett tas-saltna tad-dritt ikunu marbuta ma’ xulxin hekk kif jinsabu taħt investigazzjoni formali tal-istess UE dwar jekk huma marrux kontra l-indipendenza tal-qrati, il-media u l-entitajiet mhux governattivi.

Madankollu, l-uffiċjali Franċiżi qalu li huma għadhom qed jippruvaw jikkonvinċu lil dawn iż-żewġ pajjiżi biex ineħħu l-vveto tagħhom u jkun jista’ jiġi adottat pakkett ta’ rkupru ta’ 750 biljun ewro u l-baġit Ewropew ta’ 1.1 triljun qabel is-sammit tal-mexxejja Ewropej tal-lum.

“Jekk dan ma jseħħx, u għadna ma wasalnix, il-possibbiltà li naslu għal ftehim mingħajr is-27 pajjiż ma jistax jiġi eskluż”, sostna l-konsulent tal-President Emmanuel Macron. 

Possibbiltà minnhom hija l-proċedura magħrufa bħala “kooperazzjoni msaħħa” fejn numru ta’ pajjiżi jiftehmu li jipproċedu flimkien fuq politika partikolari. Dan jista’ jfisser li l-Polonja u l-Ungerija jitilfu aċċess għal għexieren ta’ biljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej. 

Il-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Franċiż Clement Beaune insista li Pariġi se tinsisti fuq ir-rabta bejn il-fondi Ewropej u s-saltna tad-dritt. Huwa sostna li “l-aħħar soluzzjoni tista’ tinkludi li nibqgħu għaddejjin mingħajr ċertu pajjiżi. L-Ewropa ma tistax tinżamm ostaġġ minn numru ta’ pajjiżi li ma jridux jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tal-proġett politiku tagħna”.