“Mhux dejjem se jkun possibbli li nsarraf l-appoġġ tagħkom”

Read in English.

L-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo stqarr li fiċ-ċirkostanzi mhux dejjem se jkun possibbli għalih li jsarraf l-appoġġ ġenwin tal-kostitwenti tiegħu tat-13-il distrett, f’ħidma għalihom u għall-familji tagħhom.

Hekk kif intemmet iċ-ċerimonja tal-ħatra tal-membri tal-kabinett – 17-il Ministru u 8 Segretarji Parlamentari – Dr Anton Refalo indirizza lill-“għeżież kostitwenti tat-13-il distrett” fuq Facebook.

Dr Refalo saħaq li hu jgħożż il-fiduċja u s-sostenn li kontinwament jagħtuh.

Hu mifhum li Anton Refalo stenna li jerġa’ jsib postu fil-kabinett. Chris Fearne, l-avversarju ta’ Robert Abela fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista, kien wiegħed lil Anton Refalo post fil-kabinett. F’attività f’Għawdex, Fearne kien qal li Refalo “għandu talenti li rridu nagħmlu użu aħjar minnhom”.

Minkejja dan, fi żmien il-kampanja għall-mexxej tal-PL, Anton Refalo wera appoġġ ukoll għall-kandidat l-ieħor, Robert Abela, illum Prim Ministru.

Anton Refalo bħalissa huwa Chairperson ta’ Heritage Malta, kariga li ilu jokkupa minn Mejju tal-2018.

Refalo serva bħala Ministru għal Għawdex bejn l-2013 u l-2017 meta l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel lil Justyne Caruana biex tkun il-Ministru għal Għawdex.