Mhux dejjem qed inlaħħqu mal-bżonn tal-għajnuna – Richmond

Il-Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation Stefania Dimech Sant qalet li bħala fondazzjoni qiegħda tipprova żżid is-servizz madankollu mhux dejjem ileħħqu mad-domanda.

Dimech Sant kienet intervistata fuq 103FM Malta’s Heart minn Jess Saliba. Hija spjegat li matul il-pandemija ħafna nies ġew konxji tas-saħħa mentali u bosta kienu dawk li esperjenzaw sintomi minkejja li qatt ma kkonsidraw li qatt setgħu jiġu affettwati.

Il-Kap Eżekuttiv ħeġġet lil kul min għandu xi diffikultà relatata mas-saħħa mentali biex iċempel il-helpline 1770. Dan is-servizz huwa offrut 24 siegħa kuljum u dejjem ikun hemm xi ħadd li lest li jisma’, jigwida u anke jirreferi lil persuna għal xi servizzi kemm tar-Richmond Foundation kif ukoll għal servizzi nazzjonali.

Stefania Dimech Sant spjegat li d-domanda għall-għajnuna ġiet minn kull sfera tas-soċjeta. Żiedet li l-għajnuna u t-telefonati żdiedu l-aktar biex jingħataw informazzjoni dwar l-ansjetà marbuta mal-COVID-19.

Il-fondazzjoni Richmond qiegħda taħmel serje ta’ surveys marbuta mal-effetti fuq is-saħħa mentali tal-Covid-19. Fl-aħħar survey li sar f’Awwissu li għadda l-istatistika turi li kien hemm nuqqas fil-persuni li jemmnu li l-Gvern qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba biex jindirizza din il-pandemija. Żiedu li kien hemm żieda fil-persentaġġi ta’ dawk li jemmnu li huma ftit il-miżuri li kien hemm fis-seħħ meta wieħed iqabbel man-numri ta’ każijiet pożittivi.

F’dan is-survey ħareġ ukoll li kien hemm żieda ta’ persuni li bdew jieħdu l-miżuri personali sabiex ma jieħdux il-virus. Il-persentaġġ żdied minn 29.6% fit-tieni survey għal 56.6% fit-tielet survey. Kien hemm ukoll iktar nies li ma marrux fejn persuni oħra sabiex jevitaw li jieħdu l-Covid-19.

F’dawn is-surveys ħareġ ukoll li hemm tendenza li n-nisa jinkwetaw iktar mill-irġiel. Din it-tendenza kienet innotata fit-tliet surveys li saru.  

F’dan it-tielet survey, żdiedu l-persuni li ħassew element ta’ dipressjoni bejn 5 u 7 ijiem. L-iktar etajiet li ħassewhom dippressanti kienu bejn is-16 u l-24 sena kif ukoll persuni ‘l fuq minn 65 sena. L-iktar komuni li persuni ħassewhom dippressanti kien bejn tlieta u erbat ijiem simili tal-ewwel survey.

Wieħed jista’ jara r-rapport kollu dwar dawn is-surveys li saru billi jagħfas hawn.

Il-Fondazzjoni Richmond se tkun qiegħda tagħmel survey ieħor f’nofs Ottubru li ġej. Il-Fondazzjoni rċeviet fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista’ tagħmel din ir-riċerka.