Mhux ċar x’se jiġri mill-ħasil tal-pazjenti – MUMN

Miguela Xuereb

Id-direttiva li l-infermiera ma jgħinux lill-carers waqt li dawn ikunu qed jaħslu l-pazjenti qatt ma daħlet fis-seħħ hekk kif l-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed tistenna pjan ta’ kif se jissolvew il-problemi li jaffaċċjaw l-infermiera waqt xogħolhom.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt il-President tal-Union Paul Pace. Filwaqt li lbieraħ ġie rrappurtat li d-direttiva daħlet fis-seħħ, Pace spjega li d-direttiva twaqqfet milli tidħol fis-seħħ temporanjament wara laqgħa tal-union ma’ rappreżentanti ta’ Steward Health Care. Steward Health Care hija l-kumpanija li tmexxi l-Isptar Karin Grech.

Pace spjega li lbieraħ il-kumpanija kellha tibgħat dokument li juri pjan ta’ kif il-problemi tal-infermiera li hemm jaħdmu f’dan l-isptar kienu se jiġu indirizzat. Madanakollu, jidher li sal-ħin tal-pubblikazzjoni, il-pjan għadu ma wasalx għand l-union.

Hu u jitkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-infermiera f’dan l-isptar, Pace spjega li dawn qed jitħallew b’tagħbija u responsabbiltà ta’ pazjenti li hija kbira wisq meta mqabbla mal-ammont ta’ carers u infermiera li jkun hemm assenjati ma’ ward f’ġurnata sħiħa. Pace spjega kif meta pazjent jiġi ordnat li jkollu superviżjoni, din ġeneralment tkun tirrikjedi attenzjoni assoluta minn carer jew infermier. Qal li minkejja li l-isptarijiet ikunu mgħarrfa b’dan, ħafna drabi xorta jiddeċiedu li ma jimpjegawx biżżejjed carers sabiex ilaħħqu mad-domanda.

Irrimarka li mbagħad, meta jkun hemm xi każ ta’ mewt minħabba li xi pazjent ikun tħalla waħdu għax ma hemmx biżżejjed impjegati biex tingħata l-assistenza meħtieġa lil kulħadd, jispiċċaw jeħlu l-infermiera nniffishom minflok l-istituzzjoni li mhux qed tara li tħaddem biżżejjed persuni biex tlaħħaq mad-domanda. Hu rrimarka li bħalissa hemm mal-200 pazjent fl-Isptar Karin Grech li għandhom bżonn superviżjoni. Sostna iżda li ġeneralment, f’sala fejn għandek 30 pazjent, l-isptar iħaddem biss madwar ħames carers u massimu ta’ erba’ nurses. Qal li dan anke jekk in-numru ta’ pazjenti li jkollhom bżonn superviżjoni f’dik is-sala jkun ħafna ikbar minn hekk.

Pace għamel referenza għal każ speċifiku li jmur lura għas-sentenza li nqatgħet f’Marzu li għadda meta infermier u assistent tiegħu nstabu ħatja tal-qtil involontarju ta’ pazjent fl-Isptar Karin Grech fl-2012, li kien faga għall-mewt hu u jiekol. Il-Qorti kienet qalet li minkejja li l-intenzjonijiet tagħhom kienu tajba, huma ma rnexxilhomx iwettqu xogħolhom.

Pace sostna li bħalissa, l-infermier qed jappella din is-sentenza. Irrimarka li matul is-snin fil-Qorti, l-infermier li hu raġel tal-familja spiċċa sabiex nefaq mas-€70,000 f’miżati għall-avukati u l-proċedimenti fil-Qorti. Spjega li jekk il-Qorti tal-appell ma tagħrafx li t-tort huwa tas-sistema u mhux tal-infermier innifsu, l-infermier jista’ jispiċċa jitlef il-warrant tiegħu, kif ukoll jispiċċa f’riskju ta’ kawża ċivili quddiem il-Qorti tal-Familja. Sostna li hemm riskju kbir li ħajjet dan l-infermier u anke familtu, tiġi rrovinata kompletament minħabba nuqqasijiet tas-sistema nnifisha.

Hu rrefera wkoll għal każ ieħor riċenti fejn infermiera nstabet ħatja bi traskuraġni u nuqqas ta’ ħila wara li pazjent li wkoll suppost kellu superviżjoni wettaq suwiċidju fl-Isptar Monte Karmeli fl-2016.