​Mhux ċar jekk ġiex diskuss it-tqassim tal-ikel fuq l-Airmalta

It-tmexxija tal-Air Malta u l-Unjin li tirrappreżenta l-ekwipaġġ tal-kabina l-UCC illum kellhom laqgħa bejniethom li ġiet deskritta bħala waħda “kordjali”.
Intqal biss li matulha ġew diskussi diversi kwistjonijiet pendenti bejn il-kumpanija u l-unjin.
Madankollu fuq mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, l-ebda naħa ma riedet tikkonferma jekk fost l-oħrajn fil-laqgħa ġietx diskussa wkoll direttiva biex membri tal-kabina tal-Airmalta ma joffrux is-servizz tat-trolley ħalli fuq it-titjiriet ibiegħu soft drinks, kafè u tè fost l-oħrajn.
Kelliem tal-Airmalta kkonferma li rappreżentanti miż-żewġ naħat qablu li jkomplu t-taħdidiet biex jiddeterminaw it-triq 'il quddiem.
Iż-żewġ partijiet sostnew l-impenn tagħhom li fil-jiem li ġejjin ikomplu b’aktar diskussjonijiet fl-aħjar interess tal-linja nazzjonali tal-ajru.