Mhux biżżejjed inkjesta maġisterjali dwar il-mewt tal-Ġermaniż – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li baqa’ ma sar xejn wara li tliet xhur ilu, persuna neħħiet ħajjitha b’idejha meta kienet fil-kustodja tal-pulizija.
Dan fid-dawl tal-mewt tal-Ġermaniz li nstab mejjet fiċ-ċella tad-Depot is-Sibt li għadda.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista wera l-preokkupazzjoni tiegħu li dan huwa t-tieni każ fi tliet xhur.
F’Ottubru li għadda, raġel ta’ 39 sena miż-Żejtun kien neħħa ħajtu fl-istess lock-up wara li ġie arrestat wara qabda ta’ droga.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li mhux biżżejjed li l-Pulizija tgħid li l-imwiet seħħew fil-mumenti meta d-detenuti ma kienux taħt il-ħasien tal-uffiċjali u lanqas li nfetħet inkejsta maġisterjali għax il-konklużjonijiet tagħha mhux neċessarjament isiru pubbliċi.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li min ikun arrestat għandu jkollu d-drittijiet fundamentali tiegħu mħarsa, inkluż id-dritt li ħajtu u saħħtu jkunu mħarsa minn kul periklu, anke self harm.
Quddiem dawn il-każi, il-Kelliem qal li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbilità politika.