“Mhux biżżejjed il-priedki, imma rridu naqsmu ma’ dawk fil-bżonn”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li “ma humiex biżżejjed il-predikazzjoni u l-konferenzi, imma l-komunità Nisranija trid taqsam il-ħobż ma’ dawk li huma bil-ġuħ”.
Waqt l-Omelija fiż-żjara tar-relikwa ta’ San Piju tal-Pjagi, l-Isqof ta’ Għawdex qal li “quddiem il-ġesti ta’ karità li nagħmlu, il-qxur jaqa’ minn quddiem għajnejn il-bniedem biex dan jiskopri l-ġmiel ta’ Kristu”.
Fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, Mons. Isqof spjega l-istorja ta’ Patri Piju li f’ħajtu qasam il-ħobż mal-oħrajn filwaqt li qabbel dan mat-tixbiha li nsibu fl-Evanġelju meta Ġesù qasam il-ħobż maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws.
L-Isqof Grech jgħid li Patri Piju kien jemmen ħafna li permezz tal-Ewkaristija, ir-ruħ tingħaqad ma’ Kristu Ewkaristiku.
“Meta jitqarben, Patri Piju kien jitlob din il-grazzja: li hu jkun Kristu ieħor, kollu kemm ta’ Kristu u dejjem ta’ Kristu.”, qal l-Isqof Grech.
Irrakkonta kif darba Patri Piju kien ipprovokat minn Patri Pellegrin Funicelli dwar l-Ewkaristija u fir-risposta li taħ, Patri Piju jisħaq li “jeħtiġilna noffru laħamna u demmna bħal ħobż u nbid fuq l-altar u fuq l-imwejjed tal-proxxmu tagħna”.
Il-quddiesa ġiet iċċelebrata fl-okkażjoni taż-żjara tar-Relikwa tal-Ingwanta ta’ San Piju tal-Pjagi f’Għawdex.