Mhux approvata l-estensjoni tal-AUM; se terġa’ tiġi diskussa

L-Awtorità tal-Ippjanar illum ma approvatx l-estensjoni proposta mill-Università Amerikana ta’ Malta li hemm fil-Kottonera. Il-bord tal-awtorità se jerġa’ jiddiskuti din l-estensjoni darboħra wara li l-iżviluppatur jirranġa l-pjanti.

L-Awtorità tal-Ippjanar diġà kienet irrifjutat il-pjanti kurrenti għall-AUM li jikkonsistu f’kumpless ta’ erba’ sulari u parkeġġ taħt l-art mibni fuq il-parkeġġ li hemm ħdejn il-grada li tagħti għall-Isla. Minflok, id-Direttorat irrakkomanda lill-Università li tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-blokka.

Aqra: “Diżgustati bil-pjanijiet ta’ żvilupp tal-AUM fil-Kottonera”

Intant, ir-residenti tal-Kottonera oġġezzjonaw bis-sħiħ dan l-iżvilupp fejn anke rħewlha għat-toroq fi protesta. L-Attivisti ta’ Azzjoni: Tuna Artna Lura qalu li jinsabu diżgustati bil-pjanijiet ta’ żvilupp tal-Università Amerikana ta’ Malta fil-Kottonera.

Huma qed joġġezzjonaw fuq erba’ prinċipji: kulturali, soċjoloġiċi, ambjentali u arkitettoniku. Qalu li l-iżvilupp propost tal-estenzjoni tan-Knights Building se jgħatti s-swar u l-entratura tal-Isla. L-AUM se “taħtaf” l-uniċi spazji miftuħa fuq in-naħa tal-punent ta’ Baċir 1. Qalu li t-telf ta’ spazju miftuħ f’dan l-ambjent urban huwa ta’ detriment għall-benesseri tan-nies li jgħixu fl-inħawi. Qalu wkoll li minħabba li l-bini ta’ Baċir 1 jagħmel parti minn Żona Urbana Konservata, kull żvilupp għandu jirrispetta l-estetika u l-policies applikabbli taż-żona.

Aqra: ‘Ċaqalqu l-bini tad-dormitorju tal-Università Amerikana’ – FAA

Aqra: Id-dormitorju m’għandux isir għad-detriment tar-residenti Sengleani – Kunsillier tal-PN

“Il-Kottonera għandha bżonn ta’ spazji miftuħa” – Arċipriet

L-Arċipriet tal-Isla, il-Kan. Robin Camilleri qal li l-Kottonera għandha bżonn spazji miftuħa. Fuq Facebook qal li għalhekk dawk eżistenti għandhom jiġu protetti. Sostna li l-proġett propost se jirriżulta li volum enormi ta’ arja se jeħodlu ġpstu volum kbir ta’ konkos. Qal li l-binja proposta se tkun qed tgħatti l-veduta storika, id-daħla tal-Isla li ilha hemm minn żmien il-Kavallieri.

Aqra“4 sulari oħra għall-AUM ta’ detriment għall-madwar” – PA; deċiżjoni f’Settembru

“Il-ġid komuni għandu jieħu preċedenza” – PN

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, Malcolm Gatt, qal li l-ġid komuni għandu jieħu preċedenza fuq kull interess ieħor. Fi stqarrija qal li l-ispazji miftuħa fil-Kottonera, speċjalment fl-Isla, huma skarsi. B’hekk qal li ma jagħmilx sens li l-Gvern jagħti permess biex jinbnew il-ftit spazji miftuħa li fadal.