Mhux “Angry Birds” biss irrabjati…issa anki l-kumpanija li ħolqithom

Wara l-għasafar, kien imiss lill-investituri jkunu rrabjati. Dan hekk kif l-ewwel rapport tad-dħul ta’ Rovio, il-kumpanija li ħarġet bil-logħba li kisbet ferm suċċess, Angry Birds, bħala kumpanija pubblika, kien ferm diżappuntanti. Rovio ħabbret telf ta’ nofs miljun ewro qabel it-taxxa, fit-tielet kwart tas-sena, meta mqabbel ma’ dħul ta’ 4.6 miljun ewro fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Id-dħul żdied bi kważi 40%, iżda l-ispejjeż żdiedu b’mod qawwi ferm. Dan kien primarjament ikkawżat minn kampanja ta’ 22 miljun ewro intiża li tattira aktar utenti ġodda, investiment ta’ erba’ darbiet aktar mis-sena ta’ qabel.
Naturalment, l-investituri ma kinux kuntenti b’dan ir-riżultat iżda l-kumpanija Finlandiża sostniet li dan kien importanti fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Rovio li tattira aktar dħul finanzjarju mil-logħob tagħha. Il-logħba popolari Angry Birds tniżżlet aktar minn 3.7 biljun darba, iżda l-investituri huma mħassba wkoll min-nuqqas ta’ ħila tal-kumpanija li toħroġ logħob ġdid, b’Rovio għalissa tippreferi tiffoka fuq verżjonijiet differenti tal-istess titlu famuż.
L-ishma ta’ Rovio niżlu 20% mal-pubblkazzjoni tar-riżultati finanzjarji fil-Borża ta’ Ħelsinki, biex kienu qed jiġu mixtrija bi prezz ta’ madwar €9.45, b’konsiderazzjoni li dawn ħarġu għall-bejgħ għall-investituri f’Ottubru li għadda bi prezz ta’ €11.50.
L-ahjar xahar għaż-żona ewro
Ix-xahar ta’ Novembru mistenni jkun l-aqwa wieħed s’issa din is-sena għaż-żona ewro, statistika li tagħti appoġġ lid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jibda jillaxka l-istimolu monetarju tiegħu.
Stħarriġ internazzjonali li kopra kemm l-industriji tas-servizzi u tal-manifattura turi li l-pajjiżi taż-żona ewro kisbu riżultati ferm aħjar minn dak previst. Fuq quddiem, dawn ir-riżultati kienu mbuttati mill-ekonomija tal-Ġermanja, bi produzzjoni mill-fabbriki tlaħħaq l-ogħla rata f’seba’ snin u, b’mod sorprendenti minn Franza, fejn l-attività kibret bl-aħjar pass f’sitt snin grazzi għal riformi riċenti fis-suq tax-xogħol li wasslu għal żieda fin-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ.
Fil-każ tal-Ġermanja t-tkabbir kien partikolarment xprunat minn investiment akbar u esportazzjonijiet iżjed b’saħħithom, iżda wieħed għad irid jagħraf x’impatt ħa jkollha l-kwistjoni politika hekk kif il-Kanċillier Angela Merkel għadha titħabat biex tifforma Gvern ta’ koalizzjoni wara li l-elezzjoni ma tatix maġġoranza assoluta.
Diċembru mistenni jżomm ritmu pożittiv ukoll, għaliex l-indikazzjonijiet dwar negozju ġdid wkoll laħqu l-aħjar livell fl-aħħar seba’ snin.
F’kuntrast ma’ dan, it-tkabbir ekonomiku fir-Renju Unit staġna għal 0.4%, riżultat ta’ investiment kajman, hekk kif bosta kumpaniji qed jipposponu d-deċiżjonijiet tagħhom u jistennew it-tip u impatt ta’ Brexit.
Jikkrollaw l-ishma ta’ Centrica
L-ishma ta’ Centrica, il-kumpanija li topera d-ditta popolari tal-enerġija British Gas ġarrbet telf ta’ 17% fil-valur tal-ishma tagħha, hekk kif kien żvelat li tilfet aktar minn 823,000 utent tal-enerġija, u ppubblikat twissija dwar ir-riżultati finanzjarji annwali.
Dan seħħ wara British Gas ħabbret li se tgħolli l-kontijiet tad-dawl b’madwar 12% f’Settembru, filwaqt li rreġistrat użu inqas tal-enerġija minħabba li t-temp f’Ottubru u Novembru kien ftit aktar sħun min-normal.  British Gas, l-akbar fornitur tal-enerġija fir-Renju Unit, għandu mat-13-il miljun konsumatur. Fir-Renju Unit, is-servizz tal-enerġija huwa liberalizzat, u jeżistu sitt kumpaniji ewlenin, u numru ta’ kumpaniji żgħar, bil-konsumaturi regolarment jaqilbu ma’ min joffrilhom l-aħjar offerti.
Il-grupp ħabbar li fir-riżultati finanzjarji qed jimmira li l-aktar l-aktar jasal pożizzjoni fejn jibbilanċja l-kontijiet u ma jirreġistrax telf. Riżultat deludenti meta t-tbassir oriġinali kien qed iħares lejn profitt ta’ mas-37 miljun sterlina. Fl-aħħar snin, Centrica biegħet diversi power stations kbar u assi fiż-żejt u l-gass biex tikkonċentra fuq in-negozju tal-konsumatur bħall-provvista u serivzzi marbuta mal-enerġija.
Minkejja dan l-“eżodu” ta’ klijenti, British Gas tibqa’ l-akbar kumpanija fir-Renju Unit, minkejja li fix-xhur li ġejjin, żewġ rivali tagħha, npower u SSE, mistennija joħolqu kompetitur b’saħħtu b’merger li se joħloq kumpanija ta’ 11.5 miljun abbonat.
L-ishma ta’ Centrica niżlu għal 139p, valur baxx li ntlaħaq l-aħħar 14-il sena ilu.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.