​“Mhux aċċettabli li nofs is-soċjetà mhix rappreżentata tajjeb fil-Parlament” – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li “mhux aċċettabli li nofs is-soċjetà mhix rappreżentata tajjeb fil-Parlament.”
Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Raħal Ġdid f’ċelebrazzjoni f’għeluq l-għaxar snin tat-tmexxija tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista.
Fi kliem Muscat il-Gvern se jkun qed jiffoka aktar fuq is-sehem tal-mara fis-soċjetà. Stqarr li minn meta l-mara ngħatat il-vot sal-lum, Malta m’għamlitx progress fejn tidħol ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament. Faħħar lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tal-“ħidma bla preċident” li qed tagħmel.
Muscat qal li l-karatteristika prinċipali tal-moviment tiegħu huwa li ma jissuppervja qatt. Qal li l-partit tiegħu se jkompli jikber u jilqa’ fi ħdanu aktar nies u jagħti spazju lill-ideat.
Muscat fakkar kif il-Gvern tiegħu introduċa ċ-childcare b'xejn u żied il-pensjonijiet. Qal li dejjem żamm f’moħħu li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji.
“Għaxar snin ilu kull sena l-pajjiż kien joħloq 4,000 post tax-xogħol ġdid. Illum pajjiżna joħloq 11,000 post tax-xogħol fis-sena. Għaxar snin ilu kellna 7,000 nies qiegħda. Illum dak in-numru huwa taħt l-2,000 ruħ.” Qal ukoll li filwaqt li f’dak iż-żmien Malta kellha defiċit, illum għandha surplus.
Muscat qal li fejn ikun hemm bżonn, il-Gvern se jonfoq. Żied jgħid li l-ispiża kapitali tal-Gvern żdiedet b’madwar €100 miljun fis-sena.
Muscat semma li l-Gvern se jkun qed jaħdem fuq kwistjonijiet marbutin mal-akkomodazzjoni soċjali, mal-kirjiet, mat-toroq, u lejn kostituzzjoni ġdida.