“Mhux aċċettabli li ċertu ħaddiema jitħallsu bis-soldi” – Alfred Grixti –

“Il-ħidma għal dawk il-vittmi ta’ traffikar uman hija kontinwa u jeħtieġ li nibqgħu impenjati biex jiġu identifikati aktar każijiet ta’ traffikar ta’ persuni”. Hekk saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti il-ġimgħa l-oħra waqt konferenza li ttellgħat għat-tieni sena konsekuttiva propju fil-jum iddedikat għal dawk il-vittmi ta’ traffikar uman, madwar id-dinja.

Grixti sostna li l-moviment ta’ persuni dejjem qed jikber, partikolarment fost pajjiżi fejn għad hemm faqar jew kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena. Spjega wkoll li l-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni mhux biss tipprovdi akkomodazzjoni għall-vittmi, iżda tagħti wkoll sapport psikoloġiku u għajnuna diretta lill-vittmi li ħafna drabi jkunu mhedda.

Fil-konferenza l-Kap Eżekuttiv spjega li matul is-sena 2019, il-Fondazzjoni ħadmet ma’ 48 vittma ta’ traffikar uman, bil-maġġoranza tal-każijiet kienu jinvolvu esplojtazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol. Saħaq li: “Mhux aċċettabbli li jkollok ħaddiema fis-settur tal-ospitalità mpjegati bis-soldi u li jitħaddmu għal siegħat twal jew nies impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni li apparti li jkunu impjegati klandestinament meta jweġġgħu mbagħad jitħallew għal rieħhom!” Grixti temm b’appell li jekk hemm xi persuni li jaħsbu li huma vittmi tat-Traffikar ta’ Persuni jew li jafu dwar persuni li qed jiġu sfruttati huma mħeġġin li jagħmlu kuntatt mas-supportline 179 għall-għajnuna.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi Byron Camilleri sostna li t-traffikar uman huwa pjaga f’kull soċjetà moderna li jeħtieġ li tkun miġġielda bil-qawwa kollha. Spjega li bħalha ministeru qed issir ħidma konġunta mal-vittmi ta’ traffikar uman u qed iħejju biex titwaqqaf l-aġenzija għall-vittmi fejn se jkun hemm diversi servizzi miġbura taħt saqaf waħdu.

Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Rosianne Cutajar tenniet li t-traffikar uman huwa reat moħbi li huwa realtà f’pajjiżna. Sostniet li bħalha gvern kommessi li jitqajmu għarfien u kuxjenza dwar dan il-qasam. Temmet billi saħqet li l-liġijiet iridu jissaħħu fil-konfront ta’ min jittraffika dawn il-persuni u li tiġi offruta protezzjoni legali lill-persuni li jisfaw vittmi tat-traffikar uman.