Mhux aċċettabbli pariri minn professjonisti inkompetenti u għażżenin – Dr Bezzina Wettinger

Il-Professur mill-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, Dr Stephanie Bezzina Wettinger ħeġġet lill-gradwati l-ġodda biex minkejja li ggradwaw, ikomplu jkabbru l-għarfien tagħhom għax, fi kliemha, mhux aċċettabbli li s-soċjetà ma jkollhiex għażla ħlief li tieħu parir mingħand professjonisti inkompetenti u għażżenin. 

Waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-istudenti tal-fakultà, Dr Bezzina Wettinger spjegat li fl-imgħoddi, l-ikbar sfida għall-istudenti kienet in-nuqqas għall-aċċess ta' informazzjoni.

Madankollu, saħqet li l-folja nqalbet, u l-ikbar sfida tas-soċjetà llum hija li tagħraf informazzjoni korretta minn gidba.  

“L-aħbarijiet foloz saru arma ta’ manipulazzjoni”

Għalhekk, Bezzina Wettinger avżat lill-gradwati l-ġodda li huwa d-dmir tagħhom li mhux biss iwaqqfu informazzjoni falza milli tinxtered, iżda wkoll li jgħallmu lin-nies kif jiddistingwu bejn verità u gideb, u kif jiffurmaw opinjoni personali.

Irrimarkat kif l-aħbarijiet foloz saru arma ta’ manipulazzjoni għal persuni li jixtiequ jinfluwenzaw il-ħsibijiet ta’ min jaħsibha differenti minnhom, u għalhekk avżat li t-tixrid ta’ artikli b’informazzjoni żbaljata tista’ tagħmel iktar deni milli ġid.

Hija kompliet tgħidilhom li l-ħiliet analitiċi li kisbu fis-snin li qattgħu bħala studenti universitarji għandhom jaqsmuhom ma’ persuni oħra biex jgħinuhom ikabbru l-għarfien tagħhom, u ma jkunux huma li jżommuhom lura billi jiktbu kummenti żbaljati, speċjalment dwar suġġetti jaħarqu, fuq il-mezzi soċjali.

Bezzina Wettinger qalet li l-aħbarijiet foloz tant saru perikolużi għas-soċjetà li anke t-tfal iridu jitrawmu minn età żgħira biex ma jibilgħux dak kollu li jisimgħu.