“Mhux aċċettabbli li tirdoppja l-kera f’xahar” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, qal li mhux aċċettabbli li sid ta’ dar jirdoppja l-kera f’xahar minn €350 għal €700, bla ma jqis xejn – lanqas li l-kerrejja tkun mara trabbi tfal żgħar waħedha, jew koppja għadha tipprova ssib saqajha.
Monsinjur Grech qal dan waqt omelija f’għeluq ix-Xahar ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien fil-knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Belt.
L-isqof Grech qal li il-fatt li l-kera dejjem togħla qed joħnoq lill-familji Maltin u Għawdxin. Huwa rrefera b’mod partikolari għall-familji Għawdxin li jixtiequ jibgħatu lil uliedhom l-Università iżda qed ikollhom iġorru madmad finanzjarju u psikoloġiku mhux ħafif għax ma jsibux jikrulhom post minħabba l-liġi tas-suq li tiffavorixxi lis-sidien.
L-Isqof Grech, qal li l-ebda bniedem m’għandu dritt jisfrutta l-art li kull persuna tiddependi fuqha għall-għixien tagħha, speċjalment meta dan isir a skapitu ta’ persuni ifqar minnu.
L-Isqof qal li l-progress veru fil-pajjiż jista’ jinkiseb biss meta l-ambjent jintuża biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ persuni, speċjalment dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà, iżda fl-istess waqt jiġi protett biex ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawduh ukoll.
Skont Mons Grech, il-pajjiż jeħtieġ “nies kreattivi u responsabbli f’kull livell tas-settur pubbliku u privat li jiftħu toroq ġodda biex jista’ jkun hemm żvilupp indaqs u sostenibbli”.
L-Isqof saħaq fuq il-ħtieġa li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima filwaqt li tiġi mħarsa l-indafa pubblika, speċjalment mill-intrapriżi, iżda fakkar li t-tniġġis ma jikkonsistix biss mir-rimi tal-iskart.
Huwa fakkar li kull persuna għandha d-dritt għall-mistrieħ xieraq f’darha, u l-istabbilimenti tad-divertiment li jibqgħu jagħmlu l-istorbju sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu m’għandhomx ixekklu dan id-dritt.
L-Isqof ta’ Għawdex qal li forsi l-kmandament “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” għall-Maltin u l-Għawdxin jista’ jkun miftiehem iktar jekk inbiddluh f’“Ħobb lid-dar komuni tagħna bħal darek”.
Madankollu, l-Isqof Grech temm l-omelija tiegħu billi fakkar li l-bniedem dejjem jevolvi, u għalhekk għandu jitgħallem mill-iżbalji li jagħmel biex il-ħajja tkompli timxi ’l quddiem, anki jekk b’passi ċkejknin.
Ritratt: Ian Noel Pace
Tista' taqra l-omelija sħiħa bil-Malti hawn taħt: