Read in English.
Id-deċiżjoni li l-Gvern ipoġġi fiżjoterapisti taħt rappreżentanza ta’ union li jagħżel hu tmur kontra l-valuri tal-kostituzzjoni ta’ Malta u d-direttivi tax-xogħol. Dan qalitu l-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fi stqarrija.
L-MUMN tpoġġiet taħt ir-rappreżentanza tal-UĦM – Voice of the Workers u Allied Health Care Professionals mill-Gvern il-ġimgħa li għaddiet. L-union qalet li mhux aċċettabbli li l-MUMN, li għandha 60% tal-fiżjoterapisti fis-servizzi pubbliċi membri tagħha. Qalet li d-deċiżjoni tal-Gvern tmur kontra l-ħelsien tal-assoċjazzjoni u r-rappreżentanza.
L-Union spjegat li l-membri tal-MUMN mhux se jaċċettaw dan it-trasferiment. Għaldaqstant, l-MUMN issottomettiet mandat ta’ inibizzjoni sabiex twaqqaf lill-Gvern milli jinnegozja ftehim settorjali mal-UĦM fil-Qorti tal-Ġustizzja.
L-MUMN tkompli tfixkel – UĦM – Voice of the Workers
F’reazzjoni għal dan, il-UĦM – Voice of the Workers qalet li l-Allied Health Professionals huma diżgustati b’dan l-aġir. Qalet li l-proċess kellu jieħu 28 ġurnata imma ħa 72 ġurnata minħabba l-oġġezzjonijiet li għamlet l-MUMN matul il-proċess. Qalet li l-MUMN tixtieq tkompli ttawwal b’dan l-aħħar mandat.
Il-UĦM talbet lill-Gvern għal skeda ta’ laqgħat biex ikomplu jinnegozjaw il-Ftehim Settorali tal-Allied Health Professionals.
Xhur ta’ tensjoni bejn il-Gvern u l-unions
L-MUMN ikkummentat wara xhur ta’ tensjoni bejn l-union u l-gvern dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-mod kif qed jiġi trattat l-istaff mediku.
Aqra: Mater Dei: Tilwima industrijali minħabba l-ikel tal-ħaddiema
Il-ġimgħa li għaddiet l-union ħarġet tilwima industrijali mal-management tal-Isptar Mater Dei dwar kwalità baxxa ta’ ikel għall-istaff imqassma mill-Corinthia Group fl-isptar. L-MUMN kienet qalet li se tkun qed tirreġistra tilwima industrijali hekk kif l-istaff li għandu bżonnijiet ta’ ikel speċjali mhux jingħata meal allowance. Dan hekk kif qalet li l-fornitur tal-ikel mhux qed jipprovdi dan it-tip ta’ ikel.
L-Union insisitiet li mhux aċċettabbli li l-infermiera li qed jaħdmu overtime jiġu penalizzati billi ma jingħatawx allowance għall-ikel. Din il-kwistjoni ilha għaddejja għal numru ta’ xhur.
Tilwima industrijali kontra Steward Health Care
L-MUMN qalet li se tirreġistra tilwima industrijali ma’ Steward Health Care. Qalu li dan minħabba li kien hemm dewmien żejjed fir-ristrutturar u t-tkabbir tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar ta’ San Luqa u l-Isptar Karen Grech. Dawn id-direttivi se jitneħħew ladarba jsir ir-ristrutturar imwiegħed.
Aqra: 10 direttivi għall-infermiera fl-isptarijiet ta’ Steward Health Care